σωτήρ

[sōtēr ‑ salvatur]



"Fl‑Għid, il‑bniedem
jikseb id‑dinjità mitlufa
u b’konsegwenza
jiġi “mogħti t‑tama”.
Din hi s‑Salvazzjoni."




σωτήρ, sōtēr, salvatur, ħellies

Bil‑lingwa ta’ Ġesù, il‑Lhudi, biex tgħid salvazzjoni, tgħid jexûàh (bħall‑isem ta’ Ġesù, Jexûà). Issa bil‑Lhudi, il‑kelma jexû‘àh għandha l‑konsonati tal‑għerq J X ‘, l‑istess għerq tal‑kelma Maltija “wisa(għ)”. Il‑Grieg jittraduċi din il‑kelma b’σωτηρία, sōtēría.

Is‑salvazzjoni mhijiex xi ħaġa li tmiss ir‑ruħ biss, l‑ispiritwal biss (ngħidu aħna, il‑maħfra tad‑dnubiet) imma dak kollu li jgħin biex il‑bniedem jinħareġ fil‑wisa’, jinħareġ mill‑iggrunċjar tal‑persuna tiegħu għall‑wisa’ tal‑personalità sħiħa tiegħu, ħalli jerġa’ jsir bniedem sħiħ, biex jerġa’ jikseb is‑sħuħija tiegħu, ġisem, ruħ, psike ... b’mod li meta Alla nnifsu jħares lejh, jista’ jgħid: kollox huwa tajjeb ħafna (ara Ġen 1, 31)! Xbieha tajba għal din l‑idea hija d‑dudu tal‑ħarir li jsir pupa (chrysalis) u joħroġ għall‑wisa’ f’farfett sabiħ, kollu lwien, li jista’ jtir ħieles u saħansitra jagħti l‑ħajja għax jgħin fit‑tnissil tal-fjuri u l‑frott bil‑polinizzazzjoni tiegħu.

Kristu Ġesù huwa s‑salvatur tiegħi u tiegħek, is‑σωτήρ, sōtēr, is‑Salvatur jew aħjar ħellies, għax jeħlisna minn dak li jżommna ggrunċjati fina nfusna minħabba d‑dnub u l‑konsegwenzi tiegħu u joħroġna għall‑wisa’ ta’ wlied Alla. “Illum fil‑Belt ta’ David twildilkom Salvatur, li hu Kristu, Mulej” (Lq 2, 11); “Inti ssemmih Ġesù, għax hu jeħles lill‑Poplu tiegħu minn dnubiethom” (Mt 1, 21).

Kemm mirakli għamel Ġesù li għandhom x’jaqsmu mar‑realtà spiritwali tal‑bniedem biss? L‑ikbar numru ta’ mirakli saru f’dak li għandu x’jaqsam mal‑ġisem. Anzi, fil‑miraklu tal‑paralitiku li niżżluh mis‑saqaf: “‘Mela biex tkunu tafu li Bin il‑bniedem għandu s‑setgħa jaħfer id‑dnubiet fuq l‑art,’ qal lill‑mifluġ, ‘Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek.’” (Mk 2, 10‑12) Il‑fejqan fiżiku issa sar sinjal tal‑fejqan spiritwali. Il‑fejqan fiżiku u spiritwali flimkien saru s‑sinjal tas‑salvazzjoni sħiħa.

L-Iben sar bniedem u miet fuq is‑salib għalija u għalik, biex bil‑qawmien tiegħu jerġa’ jagħtina l‑possibiltà li nsiru mill‑ġdid bnedmin sħaħ. Fil‑qawmien tiegħu nerġgħu nagħtu lil Alla li jħares lejna u jara fina dak li hu tajjeb ħafna.



Dun Pawl Sciberras

 

Aqra kif tista tuża’ l-materjal li hawn f’dan is-sit.