Via
Lucis

Via Lucis

Id-Dawl li Jmexxina

Fl‑Isem tal‑Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Bħalma fit-tradizzjoni tagħha l-Knisja tfakkar il-Passjoni ta’ Sidna Ġesù Kristu f’mixja mqanqla f’erbatax-il episodju ta’ tbatija, ta’ żebliegħ u ta’ mewt. Tradizzjoni iktar riċenti tikkontempla l-perjodu straordinarju tal-ħamsin jum tal-Għid f’erbatax-il episodju li ftit ftit ikebbsu l-qlub tad-dixxipli mħawdin, imbeżżgħin u mtaqlin wara l-mewt tal-Imgħallem.

Wara d-dalma li ħakmet lid-dinja bis-sagrifiċċju tal-Ħaruf, Dawl ġdid jiddi fuqha.

Dan id-Dawl tal-Qawmien, il-Knisja tirċevih bħal nida li ssaqqi l-art…b’ritmu ġentili biex għajnejn id-dixxipli, imdorrijin għall-għamad tad-dlam, jinfetħu bil-mod għall-glorja tad-Dawl li hu Alla nnifsu.

Għalhekk, f’dan iż-żmien, kif aħna mgħakksa mid-dlam, inħallu d-Dawl imexxina:
mid-Dawl tal-Qawmien mistur fl-inferi, fejn Kristu mejjet niżel biex jaħkem il-Mewt… san-nar iħeġġeġ tal-Ispirtu s-Santu li jqaddes l-art kollha…
mill-qabar vojt… sad-dehra straordinarja ta’ lsna tan-nar…

Hekk il-Knisja titwieled, il-Knisja titqaddes, il-Knisja tintbagħat ixxandar l-Aħbar Tajba tal-Ħolqien Ġdid mal-bnedmin kollha.

I

L-Ewwel Dawl: Il-Qawmien ta’ Ġesù mill-Imwiet

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew : (28: 1-6)

Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar. U ara, inħasset theżhiża kbira għax niżel anġlu tal-Mulej mis-sema, u resaq igerbeb il-ġebla u qagħad bilqiegħda fuqha. Id-dehra tiegħu kienet bħal berqa; ilbiesu abjad bħas-silġ. Bil-biża’ tiegħu l-għassiesa qabdithom rogħda u saru qishom mejtin. Iżda l-anġlu qabad u qal lin-nisa: “Tibżgħu xejn intom għax jiena naf li qegħdin tfittxu lil Ġesù li kien imsallab. Mhuwiex hawn, għaliex qam, kif kien qal. Ejjew araw il-post fejn kien qiegħed.

(pawsa qasira ta’ skiet)

L-ewwel Dawl l-għajnejn tal-ħajjin ma jarawhx. Imma l-mejtin, l-erwieħ, li, imtaqqla biċ-ċaħda ta’ Adam u d-dnub tad-dinja, għajnejhom ma setgħux jifilħu għall-glorja ta’ Alla, huma l-ewwel li jingħatalhom li jirċievu s-salvazzjoni. Fid-dlam tal-abiss, jerġa’ jfiġġ iż-żerniq tal-Ewwel Jum… meta ġisem Ġesù mejjet—l-Iben ta’ Alla li sar bniedem bħalna f’kollox minbarra d-dnub… saħansitra sar bniedem bħalna anke fil-mewt—iqum bil-glorja ta’ Alla tiddi ġo fih.

Kristu qam. U l-ġewwieni tad-dinja—id-dlam u vojt tal-mejtin; il-periferija tal-eżistenza umana—jimtela’ bid-Dawl u jieħu l-ħajja…

Minn issa ’l quddiem, il-glorja ta’ Alla tiddi f’kollox: għax Kristu li qered il-mewt, ikeċċi kull dlam bid-dija li hu Hu nnifsu.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

II

It-Tieni Dawl: Id-Dixxiplu l-Maħbub ra l-Qabar Vojt … u Emmen

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill‑Evanġelju skont San Ġwann : (20, 1-9)

Kien l-ewwel jum tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar. Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!” Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar. It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar. Tbaxxa, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx. Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra l-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu; dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed f’post għalih. Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen. Sa dakinnhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu jqum mill-imwiet.

(pawsa qasira ta’ skiet)

“Id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù… id-dixxiplu l-ieħor… daħal hu wkoll, ra, u emmen.” U kif jgħid l-istess Vanġelu: “Dan huwa d-dixxiplu li qiegħed jagħti xhieda għal dan kollu u li kiteb dawn il-ħwejjeġ, u aħna nafu li x-xhieda tiegħu hi minnha” (21, 24).”

L-ewwel Dawl li jirċievu l-ħajjin mhux Kristu nnifsu, imma l-fidi, l-fiduċja fi Kristu. Anke meta ma nifhmux, anke meta ma narawx, anke meta dak li naraw iħawwadna, il-fidi hija d-Dawl li ddewwaqna s-salvazzjoni. Il-fidi tagħtina għajnejn li jaraw dak li ma jidhirx; qalb li tifhem dak li ma jinftehimx. Għax il-fidi mhix att uman ta’ konvinzjoni; hija esperjenza ta’ mħabba, u ta’ fiduċja sħiħa.

Id-Dixxiplu mhux biss hu Maħbub; hu wkoll dixxiplu għax iħobb: għax, kif jgħallem Ġwanni nnifsu, m’hemmx tassew imħabba jekk m’hemmx reċiproċità. Għalhekk, l-imħabba li biha kien maħbub, l-imħabba li d-dixxiplu rċieva, hija l-ewwel Dawl, il-fidi sħiħa, il-fiduċja dejjiema, fis-Salvatur, li tiegħu—u tiegħu biss!—il-Knisja dejjem tagħti xhieda.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

III

It-Tielet Dawl: Ġesù jidher lil Marija ta’ Magdala, l-Appostlu tal-Appostli

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann : (20: 11-18)

Iżda Marija baqgħet ‘il barra mill-qabar, tibki. Kif kienet qiegħda tibki, tbaxxiet lejn il-qabar, u rat żewġ anġli lebsin l-abjad, bilqiegħda, wieħed in-naħa tar-ras u l-ieħor in-naħa tar-riġlejn fejn kienu qiegħdu l-ġisem ta’ Ġesù. Huma qalulha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?” Hi wieġbet: “Għax ħadu lil Sidi, u ma nafux fejn qegħduh.” Kif qalet hekk, daret lura u rat lil Ġesù wieqaf, iżda ma ntebħitx li kien Ġesù. Ġesù qalilha: “Mara, għalfejn qiegħda tibki? Lil min qiegħda tfittex?” Hi ħasbet li kien il-ġardinar, u qaltlu: “Sinjur, jekk ħadtu int minn hawn, għidli fejn qegħedtu, u jiena nġibu lura.” Ġesù sejħilha: “Marjam!” Hi daret u qaltlu bil-Lhudi: ‘Rabbuni!’ jiġifieri Mgħallem. Ġesù qalilha: “La tmissnix, għax għadni ma tlajtx għand il-Missier; imma mur għand ħuti u għidilhom li se nitla’ għand Missieri u Missierkom, Alla tiegħi u Alla tagħkom.” Marija ta’ Magdala marret għand id-dixxipli u tathom l-aħbar: “Rajt lill-Mulej”, u qaltilhom x’qalilha.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Marija ta’ Magdala rat il-qabar miftuħ imma fehmet biss li l-ġisem mejjet ma kienx għadu hemm. Id-dieqa, li lanqas il-ġisem mejjet ma setgħet tara u tidlek biż-żejt, ħallietha tolfoq mal-qabar miftuħ. U fil-persistenza tagħha, fix-xewqa tagħha li tibqa’ preżenti anke fil-mewt—bħalma kienet baqgħet preżenti taħt is-salib—darbtejn tidwi f’widnejha l-mistoqsija: “Mara, għalfejn qiegħda tibki?

Id-dmugħ ta’ Marija huma s-simbolu ta’ qalb miftuħa li ma tibnix ħitan; ta’ ruħ li anke fl-agħar traġedja, tibqa’ tafda u tittama. Jekk id-Dixxiplu kien maħbub mill-Imgħallem, il-“Mara” turi sinjali ċari li hi tassew ħabbet lill-Imgħallem. U hija din l-imħabba li Ġesù jirreċiproka meta permezz tal-isem—“Marjam”—hu jiftħilha għajnejha biex tarah kif inhu… qabel ħutu, qabel saħansitra “tela’ għand il-Missier.”

Marjam kienet l-ewwel li rċeviet b’mod sħiħ id-Dawl jiddi tal-qawmien fil-laqgħa tagħha ma’ Kristu Rxoxt. Id-Dawl, il-ferħ li tkebbes f’qalbha, ma setgħatx iżżommu mirdum ġo fiha, għax il-ħajjin ma jibqgħux maqfula ġol-oqbra…

Għalhekk, bħal leħħa ta’ berqa, hi tiġri biex taqsam l-istagħġib u ferħ tagħha ma’ ħbiebu…  
Għalhekk hi l-Appostlu tal-Appostli.

“Rajt lill-Mulej!”

Is-salvazzjoni fl-aħħar iddiet f’wiċċ l-art. Marija hi l-ewwel xhud tagħha.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

IV

Ir-Raba’ Dawl: It-Triq lejn Għemmaws

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa : (24: 13-27)

Dakinnhar stess ġara li tnejn minnhom kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, xi sittin stadju bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara. Huma u jitħaddtu u jitkixxfu bejniethom, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom. Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh. U hu qalilhom: “X’intom tgħidu bejnietkom intom u miexja?” U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuq wiċċhom. Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Inti waħdek il-barrani f’Ġerusalemm li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?” “X’ġara?” staqsiehom Ġesù.

Qalulu: “Dak li ġara lil Ġesù ta’ Nazaret, li kien profeta setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh f’idejn il-gvernatur biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh. Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael; iżda issa, fuq kollox ġa għaddew tlitt ijiem minn dawn il-ġrajja! Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-katavru tiegħu ma sabuhx; ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj. Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

Qalilhom Ġesù: “Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l-profeti! U ma kellux il-Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?” U beda minn Mosè u l-Profeti kollha jfissrilhom kulma kien hemm fl-Iskrittura fuqu.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Id-dixxipli ta’ Għemmaws, huma tassew jien u int. Bħalhom aħna għexna ma’ Ġesù; bħalhom tkexkixna meta żebilħuh u saħansitra qatgħuhielu għall-mewt. Bħalhom naħarbu meta nibżgħu li wara li hu spiċċa mdendel fuq salib, aħna wkoll nistgħu nispiċċaw ħażin.

U bħalhom, għajnejna jitbexqu, saħansitra jingħalqu, meta jilmħu dawl qawwi, id-Dawl.

Widnejna jisimgħu l-Kelma, imma qlubna ma jemmnux. Fil-ġewwieni l-iktar profond, nippersistu li nagħżlu l-mewt anke meta l-Irxoxt jimxi magħna, jistenniena, jieħu paċenzja bina, idewwaqna l-Istorja tiegħu. L-immaġini tagħna ta’ Alla — “Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Iżrael” — tagħmina minn dak li Alla tassew hu.

Imma d-Dawl ma jitlaqniex. Għax Hu qam, is-salvazzjoni tibqa’ l-ikbar don li Alla jixtieq jagħtina: li għajnejna jinfetħu u tassew narawh wiċċ imb wiċċ.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

V

Il-Ħames Dawl: “Infetħulhom għajnejhom u għarfuh”

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa : (24: 28-35)

Meta qorbu lejn ir-raħal fejn kienu sejrin hu għamel tabirruħu li hu kien se jibqa’ sejjer aktar ‘il bogħod. Iżda huma ġegħluh jibqa’ magħhom u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jintemm.” Imbagħad daħal biex joqgħod magħhom. U waqt li kien fuq il-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qal il-barka, qasmu u tahulhom. Imbagħad infetħulhom għajnejhom u għarfuh, iżda hu għab minn quddiemhom. U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinitx imkebbsa qalbna ġewwa fina huwa u jkellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?” Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm. Hemm sabu lill-Ħdax u lil sħabhom miġbura flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!” U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq, u kif kienu għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

(pawsa qasira ta’ skiet)

“Infetħulhom għajnejhom” u rċivew id-Dawl. Id-dixxipli mimlijin dieqa xorta ħassew għal dan l-istranġier iterraq waħdu. Huma laqgħuh u stednuh jgħaddi l-lejl magħhom. U bħalma l-Imgħallem kien qasam u bierek il-ħobż magħhom fl-aħħar lejl, hekk huma ftakru, huma fiehmu, għajnejhom infetħu beraħ u għarfuh.

Fil-qsim tal-ħobż huma għarfu kif hu kien tahom ġismu biex jikluh u demmu biex jixorbuh għas-salvazzjoni tagħhom.

Fil-qsim tal-ħobż huma għarfu li dak li wegħedhom — li t-tempju jerġa’ jibnih fi tlett ijiem — kien tassew żamm kelmtu fuqu.

Fil-qsim tal-ħobż huma għarfu l-verità l-iktar profonda: li l-Istorja tas-Salvazzjoni ssib il-milja tagħha fil-Messija li kien id-Dawl li mexa magħhom, li kebbes qalbhom, li issa kien qed iħeġġiġhom biex ma jibżgħu mill-ebda lejl.

Għalhekk, anke jekk hu għeb minn quddiemhom, huma telqu lura lejn Ġerusalemm biex jingħaqdu lura ma’ sħabhom u jħeġġuhom bix-xhieda tagħhom.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

VI

Is-Sitt Dawl: “Fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura”

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa : (24: 36-49)

Kif kienu għadhom jitkellmu, Ġesù nnifsu waqaf f’nofshom u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Huma twerwru bil-biża’ għax ħasbu li qegħdin jaraw xi fantażma. Iżda hu qalilhom: “Għaliex tħawwadtu? Għaliex dan it-tħassib kollu f’qalbkom? Araw idejja u riġlejja. Jiena hu! Missuni, u ifhmuha li l-ispirtu ma għandux laħam u għadam bħalma qegħdin taraw li għandi jien.” Huwa u jgħidilhom dan, uriehom idejh u riġlejh. Iżda billi huma, fil-ferħ tagħhom, kienu għadhom ma jridux jemmnu u baqgħu mistagħġba, qalilhom: “Għandkom xi ħaġa tal-ikel hawn?” Huma ressqulu quddiemu biċċa ħuta mixwija, u hu ħadha u kielha quddiemhom.
Imbagħad qalilhom: “Meta kont għadni magħkom għedtilkom dawn il-kelmiet, ‘Jeħtieġ li jseħħ kulma nkiteb fuqi fil-Liġi ta’ Mosè, fil-Profeti u fis-Salmi.’ “
Imbagħad fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura. U qalilhom: “Hekk kien miktub, li l-Messija jbati u fit-tielet jum iqum mill-imwiet, u li l-indiema għall-maħfra tad-dnubiet tixxandar f’ismu lill-ġnus kollha, ibda minn Ġerusalemm. Intom xhud ta’ dan. U jiena, araw, nibgħat fuqkom lil dak li wiegħed Missieri. Imma intom ibqgħu fil-belt, sa ma Alla jkun libbiskom bil-qawwa tiegħu.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

Id-Dawl li jibqa’ jħeġġeġ lill-Poplu ta’ Alla huwa l-Iskrittura. U Kristu Rxoxt “fetħilhom moħħhom biex jifhmu l-Iskrittura,” biex mal-medda tas-snin, l-istess Dawl jibqa’ jfakkarhom fil-passjoni tal-Messija, fil-qawmien tiegħu mill-imwiet, u fil-maħfra tad-dnubiet. Hekk, jibqa’ jżommhom sodi fix-xhieda tagħhom; u l-Aħbar it-Tajba tasal lill-ġnus kollha.

Imma l-preżenza ta’ Ġesù mad-dixxipli kollha — u mhux biss ma’ dawk l-iktar qrib tagħhom — turi li din hija l-fidi, ix-xhieda u l-missjoni tal-Knisja kollha.

Bħalma ż-żerriegħa tal-Aħbar it-Tajba kellha tinbet fl-Art ta’ Poplu li Alla kien għamel Patt miegħu u wieżnu; hekk l-ewwel frott tas-salvazzjoni kellu jingħata lil Poplu ġdid magħżul, biex jiżra’ żerriegħa ġdida mad-dinja kollha. Il-ħsad li l-Mulej ifittex fl-aħħar taż-żminijiet, qatt ma hu biss għall-individwi, jew gruppi magħluqa fihom infushom, imma dejjem għal Popli… bl-istorja twila tagħhom, bid-drawwiet partikolari tagħhom, bl-inkwiet li huma jissieltu miegħu mal-medda tas-snin.

Hekk id-Dawl tal-Vanġelu mhux biss jiddi mad-dinja kollha, imma bħal qawsalla, jirrifletti wkoll ilwien differenti, li jfakkru f’dak il-Patt oriġinali li Alla għamel ma’ Noe: li dejjem jibqa’ qrib ta’ wliedu kollha — huma min huma.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

VII

Is-Seba’ Dawl: Nagħtikom is-Sliem

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann : (20: 19-23)

Dakinnhar filgħaxija, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, meta d-dixxipli kienu flimkien imbeżżgħa mil-Lhud, bil-bibien magħluqa, ġie Ġesù u qagħad f’nofshom; u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Kif qal hekk, uriehom idejh u ġenbu. Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej. Imbagħad Ġesù tenna jgħidilhom: “Is-sliem għalikom! Kif il-Missier bagħat lili, hekk jien nibgħat lilkom.” Kif qal hekk, nefaħ fuqhom u qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

Proprju fin-nofs—fis-seba’ pass—tal-istorja ta’ kif jitkebbes u jitqawwa d-Dawl tul il-ħamsin jum tal-Għid, naraw għall-ewwel darba mhux biss id-Dawl ta’ Kristu Rxoxt, imma d-Dawl tad-Difensur tiegħu: ta’ dak li Hu kien se jibgħat mingħand il-Missier biex jibqa’ dejjem mal-Poplu tiegħu. Għalhekk fiċ-ċenaklu kien ħeġġiġhom biex jibqgħu fil-belt sa mal-Ispirtu jlibbishom “bil-qawwa tiegħu” (Lk : 24, 49). U f’din il-ġrajja, magħrufa bħala Pentekoste ż-Żgħir, naraw lil Kristu Rxoxt jikkonsagra lill-ħbieb tiegħu meta, bħal fil-bidu tal-Ħolqien, hu jonfoħ fuqhom u jimliehom bl-Ispirtu tiegħu.

Alla nefaħ fuq Adam u dan ħa s-sura tiegħu. Hu sar il-kreatura—fost dawk kollha fuq l-art u s-smewwiet—magħżula mill-Mulej biex jaħdmu id f’id, ħalli l-ħolma ta’ Alla l-Missier għall-ħolqien tiegħu, tassew titwettaq.

Bl-istess mod, Kristu nefaħ fuq iż-żerriegħa tal-Knisja u din ħadet tassew ix-xbieha tiegħu, il-qdusija tiegħu. Hi saret il-Ġisem tiegħu stess, biex twelled mill-ġdid lid-dinja s-salvazzjoni li tagħha hi tagħti xhieda.

Għalhekk l-Ispirtu s-Santu huwa s-“sliem”…shalom… il-milja… ta’ dak li l-bnedmin kienu maħluqa għalih: ħajja sħiħa u dejjiema fil-ġisem, fir-ruħ u fl-ispirtu, f’rabta ta’ ħbiberija ma’ xulxin u ma’ Alla Ħaj.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

VIII

It-Tmien Dawl: Il-Ġisem Glorjuż tal-Mulej bil-Marka tal-Pjagi tad-Dinja

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann : (20: 24-29)

Tumas, wieħed mit-Tnax, jgħidulu t-Tewmi, ma kienx magħhom meta ġie Ġesù. Għalhekk id-dixxipli l-oħra qalulu: “Rajna l-Mulej.” Iżda hu qalilhom: “Jekk ma narax f’idejh il-marka tal-imsiemer u ma nqigħedx sebgħi fuq il-marka tal-imsiemer u idi fuq ġenbu, jien ma nemminx.” Tmint ijiem wara, id-dixxipli reġgħu kienu ġewwa, u Tumas magħhom. Il-bibien kienu magħluqa, imma Ġesù daħal, qagħad f’nofshom, u qalilhom: “Is-sliem għalikom!” Imbagħad qal lil Tumas: “Ġib sebgħek hawn u ara idejja, u ressaq idek u qegħedha fuq ġenbi; tkunx bniedem bla fidi, iżda emmen.” Wieġeb Tumas u qallu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” Qallu Ġesù: “Emmint għax rajtni! Henjin dawk li ma rawx u emmnu.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

Għax persuna waħda mill-komunità magħżula, Tumas it-Tewmi, kien nieqes, Ġesù jerġa’ jiġi u jerġa’ jagħti l-barka tiegħu… in-nifs tiegħu: “Is-sliem għalikom!”

Kull persuna hi rreptibli u prezzjuża f’għajnejn il-Missier u għall-Iben li jsalva lid-dinja f’ismu. Bħar-ragħaj li lest iħalli lid-disgħa u disgħin nagħġa biex ifittex lill-waħda l-mitlufa, hekk Ġesù ma kienx kuntent li fost il-ħbieb tiegħu wieħed biss kien għadu ma ltaqax miegħu. U issa, fl-aħħar ta’ din il-missjoni wara l-Qawmien li jiftaħ għajnejn l-ewwel komunità Nisranija, Kristu Rxoxt jagħti r-rigal li saħansitra Marija ta’ Magdala ma setgħetx tirċievi. “Missni,” nistħajlu li jgħid lil Tumas, “miss il-pjagi tiegħi, u kun af li jien hu.”

Il-pjagi fil-Ġisem glorjuż huma l-marka ta’ Kristu rebbieħ fostna.

Il-pjagi fil-Knisja tiegħu huma t-turija li l-Ispirtu s-Santu biss li jqaddisha.

L-Ispirtu ma jħassarx il-passat u l-marki kiefra tiegħu. L-Ispirtu jippurifika u jfejjaq mill-passat, biex il-futur ikun iktar sħiħ.

Imma fl-aħħar taż-żminijiet, il-marki tal-passjoni jibqgħu; simbolu ta’ kif konna meħlusa mill-jasar tad-dnub. Konna kkonsagrati mhux għax konna denji, imma għax tassew maħbuba aħna kif aħna.

“Tumas… emmen.” Emmen li s-salvazzjoni waslet, li s-salvazzjoni qed isseħħ, anke meta l-għajnejn dgħajfa jaraw biss pjagi u mhux it-tama ta’ ħajja ġdida.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

IX

Id-Disa’ Dawl: Ġesù jiekol mad-Dixxipli tiegħu

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann : (21: 1-14)

Wara dan, Ġesù raġa’ deher lid-dixxipli ħdejn il-baħar ta’ Tiberija. Dehrilhom hekk: Xmun Pietru, Tumas, li jgħidulu t-Tewmi, Natanjel minn Kana tal-Galilija, ulied Żebedew u tnejn oħra mid-dixxipli tiegħu kienu flimkien, u Xmun Pietru qalilhom: “Sejjer nistad.” Qalulu: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll.” Marru, rikbu d-dgħajsa, u dak il-lejl ma qabdu xejn.
Filgħodu mas-sebħ, Ġesù kien qiegħed ix-xatt, imma d-dixxipli ma kinux jafu li kien Ġesù. Ġesù qalilhom: “Għandkom x’tieklu, ħbieb?” “Le,” weġbuh. Qalilhom: “Waddbu x-xibka n-naħa tal-lemin tad-dgħajsa u ssibu.” Dawn waddbu x-xibka, u mbagħad ma felħux jiġbduha daqs kemm qabdu ħut!
Id-dixxiplu li kien iħobb Ġesù qal lil Pietru: “Il-Mulej dan!” Għalhekk Xmun Pietru, kif sama’ li kien il-Mulej, xeħet fuqu l-libsa ta’ fuq, għax kien għoddu għeri, u ntafa’ l-baħar. Id-dixxipli l-oħra, billi ma kinux imbiegħda wisq mill-art, imma xi mitejn driegħ biss, resqu bid-dgħajsa jkaxkru warajhom ix-xibka bil-ħut. Kif niżlu l-art, raw li kien hemm xi faħam jaqbad, bil-ħut fuqu, u xi ftit ħobż.
Qalilhom Ġesù: “Newlu ‘l hawn xi ħutiet minn dawk li għadkom kemm qbadtu.” Xmun Pietru tala’ fid-dgħajsa u ġibed l-art ix-xibka mimlija b’mija u tlieta u ħamsin ħuta kbira; u minkejja daqshekk ħut, ix-xibka ma nqasmitx. Qalilhom Ġesù: “Ejjew, kulu.” Imma ħadd mid-dixxipli ma ssogra jistaqsih, ‘Int min int?’, għax kienu jafu li kien il-Mulej. Ġesù resaq, qabad il-ħobż u newwilhulhom; u hekk ukoll għamel bil-ħut. Din kienet ġa t-tielet darba li Ġesù deher lid-dixxipli wara l-qawmien tiegħu mill-imwiet.

(pawsa qasira ta’ skiet)

It-tielet darba li deher lid-dixxipli miġbura, hu għażel li jkun magħhom fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, fil-ħidma tagħhom ta’ sajjieda. Hekk, anke dak li huma kienu trabbew fih u li kienu jafu—saħansitra li kien jagħtihom il-ħobż ta’ kuljum—Kristu Rxoxt kattru u kattru bil-bosta. Waqt li qaddes l-ibħra, u dawn imlew ix-xibka b’kull xorta ta’ ħut, hu pprepara ikla għal ħbiebu… anke jekk dawn, idumu biex jagħrfuh.

Il-qalb trid tagħraf id-Dawl ta’ Kristu, imma l-għajnejn idumu biex jidraw id-Dawl.

Għat-tielet darba, għajnejhom kienu tqal u damu biex tassew jaraw. Għat-tielet darba, dawn jimmutaw… anke jekk l-Imgħallem innifsu jġib ruħu magħhom bi ħlewwa liema bħala.

Quddiem il-preżenza ta’ Alla, inbaxxu rasna, nirċievu l-imħabba tiegħu… imma nagħrfu wkoll kemm hija grazzja infinita, kemm hija ġenerożità abbundanti li ċ-ċokon tagħna ma jifhimhiex…

Quddiem l-għożża li jxerred fuqna l-Mulej, aħna niċċekknu u nagħrfu li m’aħna xejn. Imma fix-xejn tagħna, għal Alla li jħobbna, aħna tassew kollox.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

X

L-Għaxar Dawl: Pietru d-Dixxiplu Mibgħut

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann : (21: 15-19)

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!” Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

F’dan l-għaxar pass niftakru, kif id-Dawl jasal b’mod speċjali għand dak li Kristu għażlu biex fuqu jibni l-Knisja tiegħu. Pietru kien ċaħad lill-Imgħallem tliet darbiet. Bħalu, tul iż-żminijiet, il-Knisja ħafna drabi tiċħad il-wegħdi tal-Magħmudija. Imma Kristu Rxoxt xorta jibqa’ jafda f’dan ir-raġel dgħajjef. Bl-istess mod, Kristu Rxoxt, xorta jibqa’ jafda f’idejn il-Knisja fraġli tiegħu biex tkun il-fomm, l-idejn u s-saqajn li twassal is-salvazzjoni tiegħu.

Imma fuq ix-xatt ħdejn il-baħar ta’ Tiberja, mingħand Pietru—u mingħand il-Knisja tiegħu—l-Imgħallem mhux is-servizz jixtieq, imma dak li hu iktar profond. Mhux tant dak li nagħmlu jagħmilna tassew tiegħu, imma r-rabta intima tagħna miegħu.

Għal tliet darbiet, Ġesù jistaqsi lil Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?”

Mhux “Pietru, tħobbni int?” … imma “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?”

Mir-realtà l-iktar profonda ta’ dak li aħna—fl-istorja tagħna, fl-identità tagħna… f’dak li nafu fuqna nfusna u li ma nafuhx—minn hemm, minn dik ir-realtà li tagħmilna tassew uniċi u rrepetibbli… minn hemm Ġesù jistaqsi: “tħobbni int?”

Id-Dixxiplu l-Maħbub—id-dixxiplu xempju fit-tradizzjoni ta’ San Ġwann—ħabb għax kien maħbub.
L-istess, Xmun bin Ġwanni. U l-istess aħna llum.

Għalhekk, meta aħna bħal Xmun nisimgħu l-mistoqsija tidwi f’widnejna nagħrfu li Ġesù Rxoxt lilna wkoll qed joffrilna sfida: qalbek miftuħa biżżejjed għalija? Għall-imħabba li dejjem nagħtik?

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

XI

Il-Ħdax-il Dawl: Ġesù jibgħat lid-dixxipli kollha f’kull żmien

R/. Kristu qam! Alleluia!
V/. Huwa qam tassew! Alleluia!

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew : (28: 16-20)

Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

F’dan il-ħdax-il pass ta’ mixja lejn id-Dawl l-iktar li jiddi, il-Knisja tirċievi b’mod ċar il-missjoni tagħha mill-Imgħallem. “Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.” Il-missjoni tal-Knisja hija li tikber bħala xirka ta’ qaddisin: ta’ dawk li ltaqgħu ma’ Kristu, daqu mill-imħabba tiegħu, irċivew il-ħelsien mill-jasar, u l-fejqan mill-ġrieħi tagħhom… u għax saru bnedmin ġodda, irċivew l-Ispirtu li jqaddishom fil-Magħmudija.  

Fil-Magħmudija l-bniedem qadim jitwieled mill-ġdid—fl-ilma u l-Ispirtu—biex hu jew hi wkoll isiru dixxipli mibgħuta mal-ġnus kollha, sat-truf l-art.

U f’ħidmiethom, f’għemilhom, fil-ħlewwa li juru lil xulxin, u fl-għożża li biha huma jieħdu ħsieb anke dak kollu li jipprovdi l-Missier, l-Art innifisha titqaddes; l-Art innifisha ssir ħolqien ġdid.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Nifirħu u nithennew! Alleluia!
V/. Għax waslet is-salvazzjoni! Alleluia!

XII

It-Tnax-il Dawl: Tlugħ il-Mulej fis-sema

R/. Ejja Spirtu Qaddis, Mulej li tagħti l-Ħajja,
V/. Ejja qaddisna bid-doni tiegħek

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (1, 6-11)

Kif kienu flimkien staqsewh: “Mulej, hu dan iż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Iżrael?” Hu weġibhom: “Mhijiex biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu. Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” Wara li qal dan, huma u jħarsu lejh, kien meħud ‘il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom. Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema? Dan Ġesù, li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa’ jiġi kif rajtuh sejjer.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

“Smajtu x’għedtilkom: Jiena sejjer u nerġa’ niġi għandkom. Kieku kontu tħobbuni, kontu tifirħu li sejjer għand il-Missier, għax il-Missier hu akbar minni. U għedtilkom dan minn issa qabel ma jseħħ, biex meta jseħħ temmnu” (Ġw : 14, 28-29).  

Fl-aħħar lejl, Ġesù kien ipprepara lid-dixxipli tiegħu għal verità kiefra: kien fadal ftit żmien u huma ma jarawhx aktar. Imma kien ukoll qawwielhom qalbhom: għandhom jifirħu li ma jarawhx, għax meta dan iseħħ, kien wasal iż-żmien tant mistenni… mhux biss tar-rebħa fuq il-Mewt, imma tal-Ispirtu s-Santu, Mulej li jagħti l-Ħajja, li bħal riħ, jiġi jonfoħ fuq l-Art u jqaddisha.

Il-bidu tal-aħħar żminijiet, it-twelid mill-ġdid tal-ħolqien, u l-faraġ tal-imnikktin, kien se jibda jseħħ meta l-Missier jibgħat lid-Difensur biex dan jibqa’ dejjem mal-komunità mqaddsa f’isem Kristu.

Għalhekk il-Knisja tifraħ mad-Dawl tat-tlugħ is-sema tal-Mulej… tifraħ għax taf li d-Dawl li issa beda jinfirex fid-dinja, kien tassew mhu se jintemm qatt.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Ejja Spirtu Qaddis, Mulej li tagħti l-Ħajja,
V/. Ejja Spirtu Qaddis, ġedded fina t-tama!

XIII

It-Tlettax-il Dawl: Il-Knisja tinġabar … u tishar

R/. Ejja Spirtu Qaddis, Mulej li tagħti l-Ħajja,
V/. Ejja qaddisna bid-doni tiegħek

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (1, 12-14)

Imbagħad reġgħu lura lejn Ġerusalemm mill-għolja msejħa taż-Żebbuġ, li hi ‘l bogħod mill-belt daqs il-mixja tas-Sibt. Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Huma kienu: Pietru u Ġwanni, Ġakbu u Indrì, Filippu u Tumas, Bartilmew u Mattew, Ġakbu bin Alfew, u Xmun jgħidulu l-Imħeġġeġ, u Ġuda bin Ġakbu. U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Wara li Ġesù Rxoxt jitla’ s-sema, il-Knisja tinġabar u tishar. Bħalma għamlet fl-aħħar lejl qabel il-Passjoni u l-mewt tiegħu, il-Knisja tingħalaq fiċ-ċenaklu biex titlob flimkien.  

U hemm kienu d-dixxipli msemmija b’isimhom… wieħed wieħed magħżula bħala dawk li kienu se jsiru l-Appostli, il-Mibgħuta tiegħu. Bħall-frak ta’ ħobża waħda, li fi ftit żmien kienet se tinfirex minn fuq il-muntanji, hekk huma kienu se jkunu ż-żerriegħa ta’ Knisja Waħda mwielda fil-ġnus kollha. (ara Didache : 9, 4)

Magħhom kien hemm ukoll dawk kollha magħżula, irġiel u nisa; bil-kariżmi differenti tagħhom li flimkien jibnu l-Ġisem wieħed, il-Poplu ta’ Alla.

Flimkien ma’ ommu Marija u omm il-Knisja, huma kienu saru l-familja tal-Mulej. F’din l-istennija, l-aħwa tassew isiru ħaġa waħda, “qalb waħda” fit-talb tagħhom, fl-esperjenza tagħhom ta’ Kristu Rxoxt.

Il-komunità tal-ħajjin tistenna bi ħġarha li tirċievi d-Dawl l-iktar jiddi, biex fl-aħħar titkebbes id-dinja kollha.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Ejja Spirtu Qaddis, Mulej li tagħti l-Ħajja,
V/. Ejja Spirtu Qaddis, ġedded fina t-tama!

XIV

L-Erbatax- Dawl – L-Art kollha Mtliet bl-Ispirtu s-Santu

R/. Ejja Spirtu Qaddis, Mulej li tagħti l-Ħajja,
V/. Ejja qaddisna bid-doni tiegħek

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (2, 1-11)

Meta wasal jum Għid il-Ħamsin, huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.
F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema. Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu? Partin, Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm prosèliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet ta’ Alla!”

(pawsa qasira ta’ skiet)

Il-festa ta’ Pentekoste tfakkarna fil-Qawwa ta’ Alla li daħlet fid-dinja: qawwa li triegħed bħal riħ qawwi, li twennes bħal fjamma ċkejkna, li ttaffi l-għatx bħall-ilma ħaj—u fuq kollox, li tkisser il-ħitan bejn il-popli billi ssir l-ilsien wieħed li jgħaqqad f’għana ta’ tifħir lill-Poplu Wieħed magħżul fid-demm tal-Ħaruf.

L-Ispirtu s-Santu li jinżel fuq l-art, imiss lill-ġnus kollha.

Imma mhux dejjem b’mod li nagħrfuh bl-għajnejn tal-ġisem. Għalhekk l-importanza tad-doni tal-Ispirtu. Kull wieħed mill-membri tal-Poplu Qaddis—skont kif jogħġbu l-Mulej—jipparteċipa f’dawn id-doni biex, bħala xirka waħda ta’ qaddisin, dejjem niddixxernu l-Preżenza tiegħu, nilbsu l-libsa ta’ Kristu, u mmissu r-realtajiet imweġġgħa u mġarrfa kollha tad-dinja.

Fejn l-Ispirtu jonfoħ, hemm il-Knisja tinbet—bid-demm, bis-servizz, bil-kelma ta’ faraġ, bil-kreattività ta’ tant persuni—li flimkien tagħti xhieda tal-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni.

L-Ispirtu s-Santu li jinżel fostna huwa d-Dawl tal-Imħabba, tal-ħbiberija, tas-solidarjetà, tal-għaqda. Ftit ftit, bl-eżempju ta’ xulxin, bil-paċenzja lejn xulxin, bil-ħlewwa li nuru lil xulxin, tassew twelled is-Sliem… Shalom … li jbiddel lid-dinja.

Missierna, Sliema, Glorja

R/. Ejja Spirtu Qaddis, Mulej li tagħti l-Ħajja,
V/. Ejja għaqqadna xirka waħda f’isem il-Feddej!