Nitolbu flimkien ġewwa djarna
Knisja Domestika
Il-knisja domestika, jiġifieri l-knisja tad-dar, hija l-ħajja Nisranija li ngħixu ta’ kuljum, u tinkludi l-esperjenzi ta’ talb u katekeżi fl-ambjent tal-familja u bejn il-ħbieb. Dan it-talb u t-tagħlim li tant iqawwi l-fidi huwa neċessarju dejjem. Imma huwa ħafna iktar faċli matul dawn iż-żminijiet fejn ilkoll qegħdin ngħaddu iżjed ħin mal-familji tagħna u nfittxu li nkunu f’kuntatt permezz tal-midja, mal-ħbieb tagħna.
Ninsabu fl-iktar żmien importanti matul is-sena liturġika għalina l-Insara. Għalhekk f’dawn il-ġranet qed nipproponu ġabra ta’ talb tradizzjonali, imma ppreparat b’mod frisk li jirrifletti l-ħajja Maltija llum, biex ninġabru flimkien fit-talb fi djarna u mal-ħbieb tagħna permezz tal-midja.
X’ħa ssib hawn?
Għal żmien ir-Randan
Il-Via Matris jew Il-Mixja mal-Omm hija riflessjoni fuq is-seba’ Duluri ta’ Marija hi u
miexja ma’ binha Ġesù fit-triq lejn il-Golgota u tiftakar fit-tfulija u l-ħajja tiegħu. Qegħdin
nipproponu din it-talba li tfakkarna fit-tradizzjoni tal-purċissjoni bil-vara tad-Duluri.
Il-Via Crucis jew It-Triq tas-Salib hija riflessjoni fuq il-Passjoni u l-Mewt ta’ Ġesù,
speċjalment fit-triq tiegħu tal-Kalvarju.
Is-Seba’ Waqfiet hija riflessjoni fuq it-tagħlim ta’ Ġesù lid-dixxipli tiegħu fl-aħħar lejl.
Venerazzjoni tas-Salib. Penitenzjali li tista’ tintuża kemm b’mod personali u anke komunitarju biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza bi preparazzjoni għall-Għid. Din tgħinna biex inkunu iktar miftuħa għall-grazzja tal-ħniena ta’ Alla f’dawn iż-żminijiet.
Għal żmien l-Għid
Il-Via Lucis, jew It-Triq tad-Dawl, erbatax-il episodju meta d-Dawl tal-Glorja, id-Dawl ta’ Kristu Rxoxt, idda fid-dinja. Dan iż-żmien bejn il-qawmien mill-imwiet u l-inżul tal-Ispirtu s-Santu, iwelled il-Knisja, li tibqa’ tagħti xhieda tad-dawl bil-preżenza tagħha fid-dinja.
Kif nistgħu nitolbu bħala familja?
Tajjeb li nibdew billi nsibu spazju fid-dar li fih kulħadd jista’ jinġabar b’mod komdu, u npoġġu fiċ-ċentru tiegħu ikona, statwa jew kurċifiss, b’xi xemgħat u forsi ftit fjuri.
Il-format ta’ dan it-talb tradizzjonali jinvolvi li f’kull waqfa jew stazzjon ikun hemm silta qasira mill-Evanġelju, riflessjoni, invokazzjonijiet u t-talb tal-Missierna, is-Sliema u l-Glorja (jew it-talba tar-rużarju). Il-ġenituri jistgħu jaqraw is-silta mill-Evanġelju u r-riflessjoni filwaqt li t-tfal jistgħu jaqraw l-invokazzjonijiet. Il-Missierna, is-Sliema u l-Glorja jistgħu jintalbu flimkien jew mill-iżgħar membri tal-familja jekk dan ikun possibbli.
Importanti li ma ngħaġġlux u li bejn stazzjon u ieħor/waqfa u oħra nħallu ħin ta’ silenzju.
Ma ninsewx ukoll il-litanija jew talb ieħor tal-aħħar li jistgħu wkoll jinqasmu bejn il-membri tal-familja.
Fil-bidu u fl-aħħar tat-talba u anke bejn stazzjon u ieħor/waqfa u oħra nistgħu nisimgħu mużika jew inkantaw xi innu jew anke ritornell qasir.
Tajjeb li meta nispiċċaw, nitkellmu dwar kif kienet din l-esperjenza għalina bħala familja.
Ma jimpurtax jekk dan il-mument ta’ talb ma jkunx ‘smooth’ daqskemm inkunu nixtiequ. Nafu li, speċjalment fejn hemm it-tfal żgħar, dan mhux eżerċizzju faċli! Madanakollu importanti li ma naqtgħux qalbna u nkomplu nippruvaw.
M’hemmx limitu kemm ħbieb jistgħu jaqsmu fit-talb tagħna jekk niftħu djarna permezz ta’ Zoom, Teams jew midja oħra. Huwa sabiħ li nipparteċipaw fit-talb u riflessjoni bħala komunità Nisranija.