Via Crucis
It‑triq tas-salib, it-triq tal-Knisja
Fl‑Isem tal‑Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.
“Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t-triq?” (Ġw : 14, 5). Aħna u nibdew din it-triq tas-Salib, bħal Tumas waqt l-aħħar ċena, aħna wkoll bħal donna nixtiequ nistaqsu lill-Mulej: “Fejn inti sejjer?” Nistaqsuha din id-domanda għax, minkejja li nafuha din it-triq li qabad il-Mulej sabiex isalvana u jiftaħ għalina t-triq li twassal għand il-Missier, nippreferu li kieku qabad triq oħra biex kisbilna l-istess ħaġa. Nistaqsuha għax kultant it-toroq tal-Mulej ma nifhmuhomx; ma nifhmux kif jippermetti ċerti affarijiet iseħħu, kif jippermetti ċerti għażliet u deċiżjonijiet, kif jippermetti t-tbatija.
Ġesù lil Tumas iwieġbu: “Jiena hu t-Triq” (Ġw :14, 6). Fost l-Insara tal-bidu, kif insibu fl-Atti tal-Appostli, il-ħajja u l-għażla Nisranija kienet magħrufa bħala t-triq, u dan għaliex l-għażla fundamentali ta’ Kristu f’ħajjithom poġġiethom fl-istess triq tiegħu mhux sempliċiment bħala konsegwenza li ma tistax tiġi evitata, imma għax fehmu tassew jitħaddnu miegħu sal-aħħar fit-triq tas-salib, liema triq tiftaħ ’il barra sabiex l-aħbar it-tajba tasal sa truf l-art kollha.
Hija wkoll it-triq mhux għax hemm biss mod wieħed kif inkunu dixxipli tal-Mulej imma għax aħna u nterrqu mal-Mulej bħala dixxipli nagħrfu li qegħdin interrqu wkoll flimkien bħala Knisja: il-familja tad-dixxipli tal-Mulej, il-ġemgħa ta’ dawk li flimkien mixjin fit-triq li hi Kristu. Huwa fi ħdan il-komunità li l-passjoni ta’ Kristu titkompla għall-fidwa tad-dinja.
U, għax matul it-Triq tas-Salib, fis-singular ta’ Kristu nagħrfu wkoll l-aħna tal-Knisja, f’dan il-mument ta’ talb ser inħallu lill-Mulej jurina min hu għax huwa hemm li nagħrfu kif għandna nkunu bħala individwi u bħala komunità.
I
Meta Sidna Ġesù kien ikkundannat għall-mewt
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill‑Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (2, 6-8 12-13)
Malli nstama’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu: Miblugħin u mistagħġbin, bdew jgħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu mhumiex ilkoll mill-Galilija? Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu?” U lkoll, mitlufa bl-għaġeb, bdew jgħidu wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?” Oħrajn bdew jiddieħku u jgħidu: “Dawn xorbu l-inbid ġdid!”
(pawsa qasira ta’ skiet)
Għal darb’oħra, xħin joħorġu miċ-ċenaklu d-dixxipli jsibu quddiemhom it-triq tas-salib—triq iebsa mimlija ġudizzji u kundanni. Meta tagħżel li toħroġ għonqok u tmidd idejk għax-xogħol, tinduna li bdejt inti stess taħdem is-salib li fuqu ser toffri ħajtek.
Mulej Ġesù, minkejja li lkoll mixjin fl-istess triq, ilkoll tqabbadna toroq differenti li jimxu paralleli, jimxu ħdejn xulxin, u lkoll iwasslu għandek. Aħna u nħaddnu t-triq li tqabbadna, agħtina li nilqgħu s-salib tat-toroq l-oħra li, irridu jew ma rridux, qegħdin inġorruhom ukoll għax kollha qegħdin nimxu warajk. Agħmel li ma naħarbux lura għall-kenn imma nemmnu fil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek li hemm jaħdem fina.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
II
Meta Sidna Ġesù ġie mgħobbi bis-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill‑Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin : (6, 14)
Ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja.
(pawsa qasira ta’ skiet)
X’inhu s-salib? Is-Salib hu dak li, fil-ħajja tiegħi bħala individwu u fil-ħajja tagħna flimkien bħala komunità, qiegħed hemm u ma għażilniehx aħna imma jeħtieġ inħaddnuh sabiex isir għalina salvazzjoni. Xħin inħaddnu dak li nħossuh jifgana, minn mewt isir wisa’ fejn toktor il-ħajja. Mulej Ġesù, kultant is-salib tiegħi jkunu ħuti stess fil-komunità. U naf ukoll li jien salib għal xi wħud. Flok inqassu fuq xulxin u nbaxxu lil xulxin, kemm ikun aħjar kieku nħaddnu lil xulxin b’tgħanniqa li tilqa’ u tagħti ċans lill-persuna tikber? Agħmel li l-ftaħir tagħna ma jkunx bil-perfezzjoni tal-komunità imma b’kemm nagħrfu nħaddnu s-slaleb u nġorru lil xulxin sabiex ilkoll naslu għandek.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
III
Meta Sidna Ġesù waqa’ għall-ewwel darba taħt is-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill‑Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (26, 13-14)
Jien u sejjer, f’nofsinhar rajt dawl, aqwa mid-dija tax-xemx, ġej mis-sema u idda madwari u madwar dawk li kienu fit-triq miegħi. Waqajna lkoll fl-art, u jien smajt leħen jgħidli bl-ilsien Lhudi, “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani? Iebsa għalik li teħodha kontra n-niggieża!”
(pawsa qasira ta’ skiet)
Fl-Atti tal-Appostli nsibu rrakkuntata għal tliet darbiet il-ġrajja tal-laqgħa ta’ Pawlu ma’ Ġesù fi triqtu lejn Damasku, meta t-triq ta’ Pawlu saret ukoll it-triq tal-Mulej. U ma’ kull waqgħa ta’ Pawlu mal-art f’dawn ir-rakkonti, nistgħu naraw xebh mat-tliet waqgħat tal-Imgħallem li t-tradizzjoni tinkludi fit-triq tas-Salib tiegħu.
Mulej Ġesù, din l-ewwel waqgħa, bħan-niggieża ta’ Pawlu, hija l-waqgħa ta’ meta nagħrfu li fil-verità mhux kollox hu sew: hemm il-problemi, hemm id-dlam, hemm id-dnub, hemm l-inkwiet, hemm għamad li qed iżommna milli nħarsu lejn il-verità kif inhi. Imma din l-istess realizzazzjoni titfa’ wkoll dawl qawwi fuqna li jagħmel possibbli laqgħa ġenwina miegħek. Hekk kif jaqgħu l-idoli tal-ideali u l-fantasiji tagħna, agħmel li ma naħsbux li kkrolla kollox imma nagħrfu nħarsu lejn id-dawl tiegħek u niggranfaw miegħu.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
IV
Meta Sidna Ġesù ltaqa’ ma’ Ommu
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill‑Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (1, 13-14)
Xħin daħlu l-belt, telgħu fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. U lkoll qalb waħda kienu jitolbu flimkien ma’ xi nisa u ma’ Marija, omm Ġesù, u ma’ ħutu.
(pawsa qasira ta’ skiet)
Il-fedeltà ta’ din l-omm ma tasalx biss sas-Salib ta’ Binha imma tmur lil hinn. Hija timxi mal-Knisja—il-ġisem mistiku ta’ Binha—u tieqaf taħt is-salib ta’ ħutu mogħtija lilha bi wliedha.
Mulej Ġesù, fl-aħħar siegħa tiegħek inti kont lest tiċċaħħad saħansitra mill-imħabba ta’ ommok sabiex tkun tassew tajtna kollox. Kont lest li tagħtihielna b’ommna sabiex ma nkunu qatt waħedna meta l-ħajja u d-dinja ssallabna. Ta’ dan irroddulek ħajr.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
V
Meta Sidna Ġesù ġie megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew jerfa’ s-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill‑Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (10, 25-28)
Xħin daħal Pietru, Kornelju mar jilqgħu u ntefa’ f’riġlejh jagħtih qima. Imma Pietru qajmu u qallu: “Qum. Jien bniedem ukoll.” Huwa u jitkellem miegħu, baqa’ dieħel ġewwa, u hemm sab ħafna nies miġbura flimkien. U qalilhom: “Intom tafu li mhijiex ħaġa sewwa għal wieħed Lhudi li jissieħeb ma’ wieħed barrani jew li jersaq lejh. Imma lili Alla wrieni li ebda bniedem ma għandi nsejjaħlu profan jew imniġġes.”
(pawsa qasira ta’ skiet)
Bħal Xmun iċ-Ċirinew, Kornelju kien barrani li jgħix fl-art tal-Palestina. Bħaċ-Ċirinew, Kornelju kien miexi fit-triq tiegħu imma l-laqgħa mal-Mulej ma ħallitux indifferenti; ma ħallitux jibqa’ għaddej bla ma jagħmel xejn. Bħal Ġesù li jħalli lil Xmun iċ-Ċirinew jgħinu, Pietru bla telf ta’ żmien iħalli lill-qaddejja ta’ Kornelju jiħduh magħhom sabiex hekk iwasslilhom is-salvazzjoni.
Mulej Ġesù, aħna għandna ħabta kif dak kollu li hu barrani nħarsu lejh bħala mniġġes. Agħtina l-għaqal sabiex nagħrfu nilqgħu dak li inti diġà saffejt biex hekk permezz tagħna twasslu għat-tajjeb. Agħmel li fil-barrani ma narawx għadu imma nagħrfuh b’sieħeb fil-vjaġġ.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
VI
Meta l-Veronika resqet lejn Sidna Ġesù u xxuttatlu wiċċu
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin : (3, 18)
Aħna lkoll, li b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera l-glorja tal-Mulej, qegħdin ninbidlu fl-istess xbieha minn glorja għal glorja skont ma jagħtina l-Mulej, li hu Spirtu.
(pawsa qasira ta’ skiet)
“Kristu huwa d-dawl tal-ġnus… li jiddi fuq il-wiċċ tal-Knisja” (Lumen Gentium, par. 1). Kemm hija sabiħa din l-istqarrija li għamlet il-Knisja dwarha nnifisha fil-Konċilju Vatikan II. Dal-kelmiet jikxfu l-identità tal-Knisja li bħal mera tirrifletti fuq id-dinja l-wiċċ kollu mħabba u ħniena ta’ Kristu.
Mulej Ġesù, bħal wiċċek, xi kultant dan il-wiċċ tal-Knisja jkollu bżonn jiġi xxuttat sabiex hekk id-dija tiegħek tidher aqwa. Qanqal minn fostna profeti li, bħall-Veronika, ma jiddejqux joħorġu minn qalb il-folla; profeti li bil-kelma tagħhom iġibu l-konverżjoni u l-fejqan bla ma jkissru jew jarmu t-tajjeb mal-ħażin, sabiex dejjem iżjed ninbidlu fl-istess xbieha tiegħek u hekk nagħtuk ġieħ.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
VII
Meta Sidna Ġesù waqa’ għat-tieni darba taħt is-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (9, 3-5)
Huwa u sejjer, kif qorob lejn Damasku, f’daqqa waħda idda madwaru dawl mis-sema. Waqa’ fl-art, u sama’ leħen jgħidlu: “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” Hu wieġeb: “Min int, Mulej?” u l-leħen wieġbu: “Jiena Ġesù, li int qiegħed tippersegwitah.”
(pawsa qasira ta’ skiet)
Mal-waqgħa tal-ideali u l-ħolm tagħna quddiem ir-realtà tad-dinja u tal-Knisja, jaqa’ wkoll l-idolu li bnejna ta’ min hu Ġesù—l-ideat żbaljati tagħna ta’ min hu Alla—u tiġi r-realizzazzjoni li mhux veru konna nafuh lill-Mulej.
“Min int, Mulej?” Hekk insibu ruħna nistaqsuk, Mulej Ġesù, ma’ kull waqgħa mill-għoli tas-suppervja tagħna. Imma kull darba, nitolbuk: qajjimna fuq saqajna u għarrafna ftit aktar min inti tassew sabiex inkunu nistgħu nkomplu nagħtu xhieda aktar awtentika tiegħek.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
VIII
Meta Sidna Ġesù kien tiela’ l-Kalvarju, u ltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Apokalissi : (21, 1-4)
U rajt sema ġdid u art ġdida, għax is-sema ta’ qabel u l-art ta’ qabel għabu, u ma kienx hemm iżjed baħar. U l-Belt il-qaddisa, Ġerusalemm il-ġdida, rajtha nieżla mis-sema mingħand Alla, imħejjija bħal għarusa mżejna għall-għarus tagħha. U smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: “Din hi l-għamara ta’ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom; ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajjat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel.”
(pawsa qasira ta’ skiet)
Il-biki tan-nisa ta’ Ġerusalemm huwa wkoll it-tnehid tal-Knisja flimkien mal-ħolqien kollu waqt li nistennew l-adozzjoni tal-ulied u l-fidwa ta’ ġisimna (ara Rum : 8, 22). Nitniehdu għad-dehra ta’ Ġerusalemm tas-sema li hi ommna, hemm fejn il-Mulej ikun kollox f’kollox.
Mulej Ġesù, sakemm din id-dehra sseħħ, sakemm il-ħajja fqajra tagħna tkun laħqet il-milja tagħha, ħa tkun ta’ faraġ għalina l-wegħda tad-dehra tas-sebħ tiegħek u l-hena li hemm tistenniena, hekk li minn issa stess inti tibda timsaħ id-dmugħ minn għajnejna, filwaqt li tixprunana sabiex infittxu li hawn inkomplu nibnu s-Saltna tiegħek fost il-bnedmin.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
IX
Meta Sidna Ġesù waqa’ għat-tielet darba taħt is-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli : (22, 7-10)
“Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah.’ Dawk li kienu miegħi raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta’ min kien ikellimni. Imbagħad jien għedt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel.’”
(pawsa qasira ta’ skiet)
Hemm waqgħat li jiġu fuqna għal għarrieda. Hemm waqgħat li jiġu mir-rieda. “X’għandi nagħmel, Mulej?” Hawnhekk Sawl jagħżel li mhux biss jisfa’ mċaflas mal-art fiżikament imma wkoll jitbaxxa quddiem Ġesù u jħaddan it-triq tiegħu. Hija din l-umiltà li lil Pawlu terfgħu mill-art sabiex ikun jista’ jibda jimxi wara l-Mulej.
Mulej Ġesù, aħna wkoll illum ninxteħtu quddiemek u nistaqsuk, “X’għandna nagħmlu?”—mhux xi rridu aħna li tagħmel, imma xi tridna nagħmlu int. U dan nagħmluh b’umiltà għax is-suppervja tagħlaqna milli nkunu kapaċi nibdlu t-toroq tagħna fejn meħtieġ jew nilqgħu t-toroq ta’ ħaddieħor. Ninżlu quddiemek u b’sinċerità ngħidulek: “Ikun li trid int!”
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
X
Meta Sidna Ġesù neżżgħuh minn ħwejġu
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin : (11, 23 27)
Bosta drabi sibt ruħi wiċċ imb wiċċ mal-mewt. Taħbit u xogħol iebes; kemm-il darba kelli ngħaddi sahriet bla rqad, bil-ġuħ u bil-għatx; kemm-il darba kelli ngħaddi fis-sawm, fil-ksieħ u fl-għera!
(pawsa qasira ta’ skiet)
L-għażla libera li nkunu dixxipli tal-Mulej iġġib magħha ċaħda: ċaħda tagħna nfusna, tar-rieda tagħna, xi kultant anke jiġi mitlub minna li nċedu l-libertà tagħna sabiex inżommu sħiħa libertà ikbar. Imma bħal San Pawl nagħrfu li la t-taħbit, la d-dwejjaq, la l-persekuzzjoni, la l-ġuħ u lanqas l-għera ma jistgħu minnhom infushom jifirduna mill-imħabba ta’ Kristu (ara Rum : 8, 35).
Mulej Ġesù, f’soċjetà fejn l-għera saret il-moda imma fl-istess waqt nitħabtu bla waqfien biex nostru l-ġewwieni tagħna, inti ssejħilna sabiex inħallu tidher ir-ruħ tagħna. Agħtina l-qawwa li nkunu lesti nitneżżgħu minn dak kollu li jagħmilna inqas nixbhu lilek.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
XI
Meta lil Sidna Ġesù sammruh mas-Salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin : (1, 22-25)
Il-Lhud jitolbu s-sinjali, u l-Griegi jfittxu l-għerf, imma aħna nxandru ’l Kristu msallab, skandlu għal-Lhud u bluha għall-Griegi; iżda għal dawk li huma msejħin, sew Lhud sew Griegi, Kristu huwa l-qawwa ta’ Alla u l-għerf ta’ Alla. Għax il-bluha ta’ Alla hija għarfa iktar mill-bnedmin, u d-dgħufija ta’ Alla hija aqwa mill-bnedmin.
(pawsa qasira ta’ skiet)
Is-Salib kien, għadu u jibqa’ tfixkil u bluha. Ma tinftehimx kif it-tbatija tista’ titħaddan u tasal li tifdina. Tant ma tinftehimx, li mhux talli ma niqfux nistinkaw biex neliminaw it-tbatija, talli saħansitra xi minn daqqiet naslu li nwarrbu minn fejn jidher lil min qiegħed ibati, jekk mhux ukoll neliminawh għalkollox.
Mulej Ġesù, huma ħafna l-iskandli u n-nuqqas ta’ loġika li jħammru wiċċ il-Knisja. Imma tal-anqas, agħmel li dan l-iskandlu u l-bluha tas-Salib tiegħek nagħżluhom b’libertà sabiex nibqgħu nkunu sinjali li hemm possibbiltà ta’ fidwa fit-tbatija u hemm dinjità ta’ min qiegħed ibati li jeħtieġ tiġi mħarsa.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
XII
Meta Sidna Ġesù miet fuq is-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu : (2, 21-24)
Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu. “Hu li ma kien għamel ebda dnub, u ebda qerq ma nstab f’fommu,” meta għajruh ma weġibx bit-tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-Imħallef ġust. Hu tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, biex aħna mmutu għad-dnubiet u ngħixu għall-ġustizzja. Bil-ġrieħi tiegħu intom fieqtu.
(pawsa qasira ta’ skiet)
Bil-mewt tal-Imgħallem, is-Salib sar il-forma tal-ħajja tad-dixxipli. Kull dixxiplu li tassew jixtieq isir bħall-Imgħallem tiegħu, bħalu jrid ikun lest li kontinwament iħaddan il-mewt. Irid ikun lest li jwarrab id-dnub fuq livell personali. Fl-istess waqt, bħall-Imgħallem, irid ikun lest li jitgħabba bid-dnubiet u jġorr il-mewt ta’ ħaddieħor.
Mulej Ġesù, il-mewt tiegħek tfakkarna fil-mewt tagħna, mhux biss dik tal-aħħar imma wkoll dik ta’ kuljum. Agħmel li dan il-ħsieb iqawwi fina d-disponibbiltà sabiex inkunu lesti nagħmlu tajjeb għal ħutna maħkuma mill-mewt sabiex l-għajnuna tagħna tagħtihom nifs u kuraġġ biex ikomplu mixjin.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
XIII
Meta lil Sidna Ġesù niżżluh mis-salib
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin : (4, 7-10)
Lil kull wieħed minna Alla tana l-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu. Hu għalhekk li tgħid l-Iskrittura: “Tala’ fil-għoli, jassar l-ilsiera, ta doni lill-bnedmin.” “Tela’,”: xi jfisser dan għajr li hu niżel ukoll fl-inħawi l-aktar t’isfel tal-art? Dak li niżel huwa dak li tela’ fuq is-smewwiet kollha, biex jimla kollox.
(pawsa qasira ta’ skiet)
Id-dinja tfittex li tinfeda billi telimina l-mewt u tipprova ttawwal kemm jista’ jkun il-ħajja fuq wiċċ l-art. Il-Ħallieq feda d-dinja billi daħal fil-mewt. Mill-ġrajja tat-torri ta’ Babel ’l hawn il-bnedmin qatt ma waqfu jfittxu li jitgħollew biex jaħkmu aktar. Alla ħakem billi niżel sal-qiegħ nett sabiex itella’ kollox miegħu.
Mulej Ġesù, fil-ġisem mejjet tiegħek mitluq għalkollox nilmħu l-possibbiltajiet infiniti li nfetħu. Meta dħalt fil-mewt ma kien fadal imkien li inti ma dħaltx fih sabiex hemmhekk tiġi tiltaqa’ magħna. Farraġna biċ-ċertezza li l-ebda dlam tagħna mhu hekk mudlam li nistgħu naħsbu li inti ma wasaltx s’hemm.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
XIV
Meta lil Sidna Ġesù difnuh f’qabar ġdid
Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.
Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lir-Rumani : (6, 3-4)
Ma tafux li aħna lkoll li tgħammidna fi Kristu Ġesù, tgħammidna fil-mewt tiegħu? Indfinna miegħu fil-mewt permezz tal-magħmudija sabiex kif Kristu kien imqajjem mill-imwiet permezz tal-qawwa glorjuża tal-Missier, hekk aħna ngħixu ħajja ġdida.
(pawsa qasira ta’ skiet)
Il-kontemplazzjoni tad-difna tal-Mulej u r-realtà preżenti tal-qabar vojt tħallina mdendlin f’dan Sibt il-Għid tal-istorja tal-Knisja sakemm jasal dak il-Ħadd tal-Għid bla tmiem. Diġà ksibna l-adozzjoni, imma l-glorja għadna ma ksibnihiex. Diġà ksibna l-fidwa, imma suġġettivament għad irridu niġu salvati.
Mulej Ġesù, sakemm iżernaq it-tmien jum li ma jintemmx, aħna għadna hawn interrqu bejn ħajta dawl u oħra dlam. Diġà qegħdin ngħixu ħajja ġdida permezz tal-magħmudija, imma jeħtieġ li nibqgħu niġġeddu sakemm int terġa’ tiġi biex toħloqna mill-ġdid. Kun magħna sabiex il-preżenza tagħna tibqa’ tfakkar f’dak li diġà ksibna imma li jeħtieġ nibqgħu nitħabtu għalih.
Missierna, Sliema, Glorja
V/. Imbierka l-passjoni u l-mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l-maħfra ta’ dnubietna agħtina.
Konkluzjoni
Skont l‑intenzjoni tal‑Papa:
Missierna, Sliema, Glorja
Salve Regina lil Marija Addolorata
Ħares, Mulej, lejn din il-familja tiegħek, li għaliha Ġesù Kristu Sidna ma stmerrx jagħti ruħu f’idejn il-ħżiena u jsofri t-tbatija ħarxa tas-salib. Hu, li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, Alla, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.