Venerazzjoni
tas-Salib

Wiċċ imb wiċċ mal‑Mulej

Introduzzjoni/Spjegazzjoni

Bid-devozzjoni u ġieħ li nuru lejn ix-xbieha tas-salib imqaddes niġu wiċċ imb wiċċ mal-Mulej u Salvatur, li hu l‑Aħbar it‑Tajba, l‑Imħabba, il‑Ħniena u t‑Tama tagħna. Hu mument fejn nagħrfu l‑kobor tiegħu, ninxteħtu quddiemu hekk kif aħna; b’dak kollu li jtaqqal u jferraħ il‑ħajja tagħna. Dan hu mument, anzi hi attitudni fejn ninxteħtu f’riġlejh, biex qalbna tikkonverti (iddur lejh). Hu, li jafna aktar milli nafu lilna nfusna, jistedinna biex ninfetħu ktieb quddiemu biex jgħinna naqraw il‑paġni ta’ ħajjitna, dawk passati u dawk preżenti, biex flimkien miegħu nimxu ’l quddiem.

Alla, fil‑ħniena tiegħu, iżommna minn idejna b’ġentilezza ta’ omm biex iqajjimna meta naqgħu u jixħet raġġ ta’ dawl meta s‑swidija titkebbeb madwarna. Hu dejjem viċin tagħna imma l‑ħarsa tagħna jaf tkun qed tinjora l‑preżenza tiegħu, il‑qalb tagħna tant tkun mimlija sa ruħ ommha b’elf ħaġa li ma jkunx hemm spazju għalih.

Ix-xbieha ta’ Ġesù msallab tgħinna niffissaw il‑ħarsa tagħna fuqu u hu lura fuqna, għajnejna jħarsu f’għajnejh, qalbna tħabbat ma’ tiegħu u mill‑ġdid, fis‑skiet, inħallu spazju għalih biex iqalleb il‑paġni koroh u sbieħ ta’ ħajjitna.


Niżżel it-test kollu.

 

Att ta’ Preżenza

Hawn jien, Mulej. Quddiemek insib is‑serħan tiegħi; fil‑preżenza tiegħek insib il‑fejqan mill‑weġgħat u l‑ġrieħi tiegħi. Int taf tajjeb dak li ngħaddi minnu; int miegħi meta nsofri, maġenbni meta l‑weġgħat tiegħi jinfdu qalbi. Meta saqajja jogħtru int hemm biex treġini; int viċin tiegħi u tgħannaqni anke fil‑mumenti li fihom ma narax ħlief dlam, li jtaqqal il‑ħarsa tiegħi. Bħax‑xemx matul il‑lejl, int iżżomm kelmtek li tibqa’ magħna dejjem.



Għażla ta’ mużika għal waqt dan il-mument

Mumenti ta’ Riflessjoni

Ieqaf, iskot, agħraf lill‑Mulej (ara Salm 46, 10). Waqt dan il‑mument ta’ silenzju, ħalli l‑Kelma ta’ Alla tmexxik.



Qari mill‑Evanġelju skont San Mattew (28, 16‑20)

Il‑ħdax‑il dixxiplu telqu lejn il‑Galilija u marru fuq il‑muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis‑sema u fl‑art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill‑ġnus kollha, u għammduhom fl‑isem tal‑Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal‑aħħar taż‑żmien.”



Punti għar‑riflessjoni mis‑silta (Mument ta’ skiet)

  • Marru fuq il‑muntanja ‑ il‑post priveleġġat fejn Alla jiltaqa’ mal‑bniedem. Itla’ fuq il‑muntanja int ukoll; ħalli lil Alla jiltaqa’ miegħek. Ħalli l‑qalb tiegħek ittir ’il fuq u tiltaqa’ ma’ dik ta’ Alla.

  • Inxteħtu quddiemu … uħud iddubitaw ‑ jista’ jkun li waqt li qiegħed tinxteħet quddiemu int tiddubita wkoll. Il‑passat jew il‑preżent tiegħek iġagħlek tistaqsi jekk Alla huwiex verament Imħabba, jekk huwiex verament hemm, jekk fuq kollox aħniex mitluqin għal rasna. Ħalli s‑silenzju jkun spazju fejn Alla jisma’ l‑istorbju kollu li hemm ġewwa fik; ħalli s‑silenzju jkun għalik mument biex tisma’ lil Alla.

  • Jien magħkom dejjem ‑ il‑paradoss ta’ dan kollu hu, li hu u jitlaqna Ġesù jibqa’ magħna għal dejjem. Int tħossu viċin tiegħek? Jekk le, hemm din ix‑xewqa ġewwa fik?

Stħarriġ personali

Infaħħruk, Mulej, għax int tibqa’ magħna dejjem. Il‑preżenza tal‑Mulej fostna mhix biss biex aħna ngawduh weħidna. Alla tagħna hu Alla personali mhux individwali. Il‑Mulej ma jsejħilniex biex nibqgħu qaqoċċa madwaru. Hu jsejħilna lejh biex, wara li nieqfu ftit miegħu, noħorġu u nwasslu lilu kull fejn inkunu. Isejħilna biex minnu nixorbu l‑benna ta’ mħabbtu u nwassluha lill-oħrajn.

Din l‑imħabba hi l‑għajn tal‑fejqan tagħna; minnha tiġina l‑forza sabiex nerġgħu nqumu fuq saqajna u nibdew il‑mixja lejn il‑fejqan. Mill‑preżenza ta’ Ġesù fostna ser nixorbu l‑mediċina li neħtieġu. Il‑feriti u l‑weġgħat f’ħajjitna ma jonqsux. Dawn jistgħu jkunu ktajjen u ballal ma’ saqajna li ma nistgħux ninħelsu minnhom; li jsammruna mas‑salib.



Punti għar‑riflessjoni (Mument ta’ skiet)

  • Isma’ lill‑Mulej jgħidlek “Qum u imxi”(Mt 9, 1‑8; Mk 2, 1‑12; Lq 5, 17‑26; Ġw 5, 1‑18); “Talitha, qum!” (Mk 5, 21‑43).

  • Agħżel waħda minn dawn is‑siltiet u itlob lill-Mulej jidħol fil‑ħajja tiegħek u jfejqek.

    X   Mt 9, 1-8
    U tala' f'dgħajsa, qasam il-baħar u baqa' sejjer fil-belt tiegħu. U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq friex. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura." Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: "Dan qiegħed jidgħi!" Ġesù għaraf x'kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: "Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f'qalbkom? Għax x'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura,' jew tgħid 'Qum u imxi?' Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ - "Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek." Dak qam u telaq lejn daru. In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.

    X   Mk 2, 1-12
    Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar. U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma. U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta' fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Ibni, dnubietek maħfura." Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f'qalbhom bdew jgħidu: "Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?" Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x'kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom? X'inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, 'Dnubietek maħfura', jew tgħidlu, 'Qum u aqbad friexek u imxi'? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art," qal lill-mifluġ, "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ 'il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: "Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom."

    X   Lq 5, 17-26
    Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b'kollox minn bejn ix-xorok f'nofs in-nies quddiem Ġesù. Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: "Ħabib, dnubietek maħfura." Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: "Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?" Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom: X'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura' jew tgħid 'Qum u imxi'? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ: "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża' u bdew jgħidu: "Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!".

    X   Ġw 5, 1-18
    Wara dan, il-Lhud kellhom festa, u Ġesù tela' Ġerusalemm. F'Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b'ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata. F'dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta' morda, għomja, zopop u mifluġin. U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: "Trid tfiq?" "Sinjur," wieġbu l-marid, "ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli." Qallu Ġesù: "Qum, aqbad friexek u imxi!" Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi. 

    Dakinhar inzerta kien is-Sibt. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: "Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!" Iżda hu weġibhom: "Dak li fejjaqni qalli, 'Aqbad friexek u imxi.'" Huma staqsewh: "Min hu dan il-bniedem li qallek, 'Aqbad u imxi'?" Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: "Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar." Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f'jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn. Imma Ġesù qalilhom: "Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll." U minħabba f'hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.

    X   Mk 5, 21-43
    Wara li Ġesù raġa' qasam bid-dgħajsa għax-xatt l-ieħor, waqt li kien ħdejn il-baħar inġabret madwaru kotra kbira ta' nies. U ġie wieħed mill-kapijiet tas-sinagoga, jismu Ġajru. Dan, malli rah, inxteħet f'riġlejh, u talbu ħafna u qallu: "Binti ż-żgħira waslet fl-aħħar; ejja qiegħed idejk fuqha, ħalli tfiq u tgħix." U Ġesù telaq miegħu, b'kotra kbira miexja warajh, kulħadd iross fuqu.

    U kien hemm mara li kienet ilha tnax-il sena sħaħ tbati bit-tnixxija tad-demm. Kienet batiet wisq taħt ħafna tobba, u nefqet kulma kellha, u mhux biss ma swielha xejn, imma talli marret għall-agħar. Meta semgħet b'Ġesù, ġiet qalb il-folla, resqet minn warajh u messitlu l-mantar, għax qalet: "Jekk immiss imqar il-mantar tiegħu nkun imfejqa." F'daqqa waħda t-tnixxija tad-demm waqfitilha, u ġewwa fiha ħasset li kienet fieqet mill-marda tagħha. Ġesù minnufih intebaħ bil-qawwa li ħarġet minnu, u dar lejn il-kotra u staqsa: "Min messli l-mantar?" Id-dixxipli tiegħu qalulu: "Qiegħed tara dawn in-nies kollha jrossu madwarek, u tistaqsi: Min messni?" Hu beda jħares madwaru biex jara jilmaħx lil dik li kienet għamlet dan. Imbagħad il-mara, tirtogħod bil-biża' għax għarfet x'kien ġralha, resqet, inxteħtet f'riġlejh u stqarritlu s-sewwa kollu. "Binti," qalilha, "il-fidi tiegħek fejqitek; mur bis-sliem, u kun imfejqa mill-marda tiegħek."

    Kif kien għadu jitkellem, waslu xi wħud mid-dar tal-kap tas-sinagoga u lil dan qalulu: "Bintek mietet; għalfejn tħabbtu iżjed l-Imgħallem?" Iżda Ġesù sama' x'kienu qegħdin jgħidu, u qal lill-kap tas-sinagoga: "Tibżax, biss inti emmen." U ma ħalla lil ħadd imur miegħu ħlief lil Pietru, lil Ġakbu, u lil Ġwanni, ħu Ġakbu. Waslu d-dar tal-kap tas-sinagoga, u ra storbju sħiħ u nies jibku u jixhru. Daħal, u qalilhom: "Dan l-istorbju kollu u dan il-biki għalfejn? It-tfajla mhijiex mejta, imma rieqda." U qabdu jiddieħku bih. Imma hu keċċiehom ilkoll 'il barra, ħa miegħu lil missier it-tfajla u lil ommha u lil dawk li kienu miegħu u daħal fejn kienet it-tfajla. Qabdilha idha, u qalilha: "Talitha, qum!" jiġifieri: "Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!" Minnufih it-tfajla qamet u qabdet timxi; għax kellha tnax-il sena. U baqgħu miblugħin bil-għaġeb. U hu wissiehom bis-sħiħ biex dan ma jkun jaf bih ħadd, u qalilhom jagħtuha tiekol.

  • Saqsi: X’inhuma l‑weġgħat u l‑feriti tiegħi personali, tal‑familja tiegħi, ta’ xi ħadd li naf u li nixtieq tressaq quddiem il‑Mulej?

  • Ħalli spazju fil‑qalb tiegħek biex il‑Mulej jidħol. Xi nħoss li l‑Mulej qed jitlobni nagħmel biex nibda ninħall mill‑ktajjen? Li dawn l‑weġgħat u l-feriti nibda (bil‑mod il‑mod) infiq minnhom?

Stħarriġ personali u kollettiv

Din l‑imħabba mhux dejjem irċevejnieha u mhux dejjem wassalnieha. Dan l‑att u attitudni ta’ ġieħ u devozzjoni lejn ix-xbieha ta’ Kristu Msallab għandu jwassalna, jew tal‑anqas jiftaħ il‑qalb tagħna, biex għajnejna jaraw dawk ir‑realtajiet madwarna fejn hemm il‑weġgħat u l-feriti u fejn stajna konna ta’ ostaklu sabiex tasal l‑imħabba ta’ Alla.

Il‑feriti u l‑weġgħat tal‑oħrajn qegħdin fuqna wkoll; jaffettwawna b’mod negattiv u jistgħu jsiru l‑feriti tagħna stess.



Aħseb f’kemm persuni setgħu kienu vittma ta’ rappreżentanti tal‑Knisja; kemm strutturi ħolqu weġgħat; kemm firdiet bejn il‑membri tal‑Knisja; kemm nies ħassewhom miċħuda mill‑Knisja ommhom; kemm nies iħossuhom mifruda mill‑Knisja, barranin f’darhom stess, minħabba s‑sitwazzjoni personali, jew l‑orjentament sesswali tagħhom.

Saqsi: jien stajt kont kaġun tagħhom? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l‑attitudni? Jien stajt rajt u skitt minħabba l‑biża’ jew għax qabilli?




Aħseb f’kemm relazzjonijiet fil‑familji, bejn il‑koppji, bejn l‑aħwa, setgħu kienu valenużi, kemm relazzjonijiet intimi ma kinux frott l‑imħabba u saħansitra kienu abbużivi. Kemm nies sofrew abbużi sesswali, abbużi psikoloġiċi, abbużi finanzjarji fi ħdan il‑familja stess.

Saqsi: jien stajt kont kaġun tagħhom? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l‑attitudni? Jien stajt rajt u skitt minħabba l‑biża’ jew għax qabilli?




Aħseb f’kemm stajna konna irresponsabbli lejn l-ambjent ta’ madwarna. Kemm ma tajniex każ dak li kien qed jiġri madwarna u forsi ma ħadniex passi biex intejbu l‑ambjent li ngħixu fih.

Saqsi: jien stajt kont kaġun tagħhom? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l‑attitudni? Jien stajt rajt u skitt minħabba l‑biża’ jew għax qabilli?




Aħseb kemm teżisti attitudni negattiva lejn gruppi differenti ta’ nies, ta’ etniċità differenti, ta’ gruppi differenti fil‑Knisja, ta’ każini differenti. Kemm tajn fuq ħaddieħor, informazzjoni ħażina, informazzjoni qarrieqa minħabba n‑nuqqas ta’ ħsieb jew agħar minn hekk b’irresponsabbiltà.

Saqsi: jien stajt kont kaġun tagħhom? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l‑attitudni? Jien stajt rajt u skitt minħabba l‑biża’ jew għax qabilli?



Riflessjoni



Il‑preżenza tal‑Mulej tfejjaq u ssalva. Agħżel silta minn dawn u itlob lill-Mulej ifejjaq il‑qalb tiegħek; dawwar ħarstek lejh, iftaħ widnejk għall‑kliem tiegħu mimli ħlewwa, intelaq kif int fi ħdanu u nxteħet f’riġlejh b’ġest ta’ mħabba.



Isma’, agħżel u saqsi

Jien għalaqt widnejjja? Mk 7, 31-37

Jien għalaqt għajnejja? Mt 20, 29‑34; Mk 8, 22‑26; Lk 18, 35‑43; Jn 9, 1‑12

Jien tqil biex nieħu azzjoni? Mt 9, 1‑8; Mt 12, 9‑13; Mk 2, 1‑12; Lk 5, 17‑26; Jn 5, 1‑18

Kliemi jew l‑azzjoni tiegħei ikkontaminaw l‑ambjent ta’ madwari? Mt 8, 1‑4; Mk 1, 40‑45; Lk 5, 12‑16; Lk 17, 11‑19

X   Mk 7, 31-37
Raġa' telaq mill-inħawi tal-belt ta' Tir, għadda minn Sidon lejn il-baħar tal-Galilija, fl-inħawi tad-Dekapoli. U ġibulu wieħed, trux u mbikkem, u talbuh iqegħedlu idu fuqu. Ġesù ħarġu għalih waħdu minn qalb in-nies, daħħal subgħajh f'widnejh u messlu lsienu bir-riq tiegħu. Imbagħad refa' għajnejh lejn is-sema, tniehed tnehida, u qallu: "Effata," jiġifieri, "Infetaħ!" U minnufih widnejh infetħulu, l-irbit ta' lsienu nħallu u qabad jitkellem sewwa. Ġesù wissiehom biex ma jgħidu lil ħadd; iżda aktar ma wissiehom, aktar bdew ixandruh. U mimlijin bil-għaġeb, bdew jgħidu: "Kollox għamel tajjeb: jagħti s-smigħ lit-torox u l-kliem lill-imbikkmin."

X   Mt 20, 29-34
Huma u ħerġin minn Ġeriko marret warajh kotra kbira ta' nies. Kien hemm żewġ għomja bilqiegħda mal-ġenb tat-triq, u semgħu li kien għaddej Ġesù; u qabdu jgħajtu u jgħidu: "Mulej, Bin David, ikollok ħniena minna!" In-nies bdew iċanfruhom biex isikktuhom, iżda huma aktar bdew jgħajtu u jgħidu: "Mulej, Bin David, ikollok ħniena minna!" Ġesù waqaf u sejħilhom: "Xi triduni nagħmlilkom?" qalilhom. "Li jinfetħulna għajnejna, Mulej," qalulu. Ġesù tħassarhom, messilhom għajnejhom, u minnufih bdew jaraw. U baqgħu miexja warajh.

X   Mk 8, 22-26
Waslu Betsajda, u ħadulu quddiemu raġel agħma u talbuh imissu. Qabad l-agħma minn idu u ħadu barra mir-raħal, beżaqlu f'għajnejh, qiegħed idejh fuqu u staqsieh: "Qiegħed tara xi ħaġa?" Dak ħares 'il fuq u qal: "Qiegħed nara n-nies, imma qiegħed narahom donnhom siġar mexjin." Imbagħad raġa' qegħedlu idejh fuq għajnejh, u beda jara ċar: u kien imfejjaq, hekk li sar jara kollox tajjeb mill-bogħod ukoll. Bagħtu lura lejn daru, u qallu: "Qis li ma tgħid xejn meta tmur ir-raħal."

X   Lq 18, 35-43
Ġara li, huwa u riesaq lejn Ġeriko, kien hemm wieħed agħma bilqiegħda mal-ġenb tat-triq jittallab il-karità. Dan sama' l-kotra tan-nies għaddejja u beda jistaqsi x'ġara. U qalulu li kien għaddej Ġesù ta' Nazaret. Hu qabad jgħajjat u jgħid: "Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!" Dawk li kienu mexjin quddiem bdew iċanfruh u jsikktuh, imma hu aktar issokta jgħajjat: "Bin David, ikollok ħniena minni!" Ġesù waqaf u ordna li jressquhulu quddiemu. Meta resaq, staqsieh: "Xi tridni nagħmillek?" "Li nara, Mulej," wieġbu dak. U Ġesù qallu: "Ara, iva! Il-fidi tiegħek salvatek." U minnufih beda jara, u baqa' miexi warajh jagħti glorja lil Alla. U l-poplu kollu li ra dan beda jfaħħar lil Alla.

X   Ġw 9, 1-12
Kif kien għaddej, lemaħ raġel agħma minn twelidu, u d-dixxipli tiegħu staqsewh: "Rabbi, dan twieled agħma għax dineb hu stess, jew għax dinbu l-ġenituri tiegħu?" Ġesù wieġeb: "Mhux għax dineb hu jew il-ġenituri tiegħu, imma ġralu hekk biex l-għemil ta' Alla jidher fih. Sakemm għadu binhar, jeħtiġilna nagħmlu x-xogħol ta' dak li bagħatni, għax jasal il-lejl meta ħadd ma jkun jista' jaħdem. Sakemm għadni fid-dinja, jiena hu d-dawl tad-dinja." Kif qal dan, beżaq fl-art, għamel minnu qisu tajn, u dilek bih għajnejn ir-raġel agħma. U qallu: "Mur inħasel fil-menqgħa ta' Silwam." Din tfisser 'il-Mibgħut'. Mela dak mar, inħasel u ġie jara. Il-ġirien u dawk li s-soltu kienu jarawh, għax hu kien tallab, qalu: "Dan mhuwiex dak li kien joqgħod bilqiegħda jittallab?" Xi wħud qalu: "Iva, hu." Oħrajn qalu: "Le, imma jixbhu." Iżda hu qalilhom: "Jiena hu." Qalulu: "Mela kif infetħulek għajnejk?" Weġibhom: "Wieħed raġel, jgħidulu Ġesù, għamel ftit tajn, dilikli għajnejja bih, u qalli, 'Mur fis-Silwam u nħasel hemm.' Mort, inħsilt, u ġejt nara." Qalulu: "Fejn huwa dan ir-raġel?" Qalilhom: "Ma nafx."

X   Mt 9, 1-8
U tala' f'dgħajsa, qasam il-baħar u baqa' sejjer fil-belt tiegħu. U ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, mixħut fuq friex. Kif ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Agħmel il-qalb, ibni; dnubietek maħfura." Xi wħud mill-kittieba bdew jgħidu fihom infushom: "Dan qiegħed jidgħi!" Ġesù għaraf x'kienu qegħdin jaħsbu, u qalilhom: "Imma għaliex qegħdin taħsbu ħażin f'qalbkom? Għax x'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura,' jew tgħid 'Qum u imxi?' Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ - "Qum, aqbad il-friex u mur lejn darek." Dak qam u telaq lejn daru. In-nies, meta raw dan, beżgħu u qabdu jfaħħru lil Alla li ta setgħa bħal din lill-bnedmin.

X   Mt 12, 9-13
Telaq minn hemm u baqa' sejjer fis-sinagoga tagħhom. U hemmhekk kien hemm raġel li kellu idu niexfa. Huma, biex ikollhom fuqiex jixluh, staqsewh: "Jiswa li wieħed ifejjaq nhar ta' Sibt?" Iżda hu qalilhom: "Min minnkom ikollu nagħġa u taqagħlu f'ħofra s-Sibt, ma jmurx jaqbad u jtellagħha? Imma kemm jiswa bniedem aktar minn nagħġa? Mela jiswa nhar ta' Sibt tagħmel il-ġid." Imbagħad qal lir-raġel: 'Midd idek.' Dak medd idu, u reġgħet ġietu qawwija u sħiħa bħall-oħra.

X   Mk 2, 1-12
Meta wara xi ġranet daħal Kafarnahum, in-nies semgħet li kien id-dar. U nġabru bosta, hekk li ma kienx hemm fejn joqogħdu iżjed, anqas quddiem il-bieb. U qagħad ixandrilhom il-kelma. U marru ħadulu quddiemu wieħed mifluġ, merfugħ minn erbgħa min-nies. Billi ma setgħux jersqu sa ħdejh minħabba l-kotra, qalgħu s-saqaf ta' fuqu, fetħu toqba, u niżżlu minnha l-friex li fuqu kien mimdud il-mifluġ. Meta ra l-fidi tagħhom, Ġesù qal lill-mifluġ: "Ibni, dnubietek maħfura." Mela kien hemm bilqiegħda xi wħud mill-kittieba, u f'qalbhom bdew jgħidu: "Dan kif qiegħed jitkellem hekk? Dan qiegħed jidgħi! Min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla biss?" Malli Ġesù ntebaħ fih innifsu x'kienu qegħdin jgħidu bejnhom u bejn ruħhom qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom? X'inhu l-eħfef, tgħid lill-mifluġ, 'Dnubietek maħfura', jew tgħidlu, 'Qum u aqbad friexek u imxi'? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art," qal lill-mifluġ, "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." Dak qam, qabad malajr friexu, u ħareġ 'il barra quddiem kulħadd. U kulħadd stagħġeb, u bdew ifaħħru lil Alla u jgħidu: "Ħwejjeġ bħal dawn qatt ma rajniehom."

X   Lq 5, 17-26
Jum fost l-oħrajn Ġesù kien qiegħed jgħallem. Kien hemm bilqiegħda madwaru xi Fariżej u għorrief tal-Liġi li kienu ġew mill-irħula kollha tal-Galilija u l-Lhudija u minn Ġerusalemm. Il-qawwa tal-Mulej kienet fih biex ifejjaq. U ġew xi rġiel iġorru wieħed mifluġ fuq mitraħ; huma bdew ifittxu li jdaħħluh ġewwa u jqegħduhulu quddiemu, iżda minħabba l-folla ma sabux minn fejn setgħu jidħlu bih. Għalhekk telgħu fuq il-bejt, u niżżluh bil-mitraħ b'kollox minn bejn ix-xorok f'nofs in-nies quddiem Ġesù. Meta hu ra l-fidi tagħhom, qallu: "Ħabib, dnubietek maħfura." Il-kittieba u l-Fariżej qabdu jaħsbu u jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: "Dan min hu biex jitkellem hekk? Din dagħwa! Għax min jista' jaħfirhom id-dnubiet ħlief Alla waħdu?" Imma Ġesù għaraf ħsibijiethom, u qalilhom: "Għaliex qegħdin taħsbu hekk f'qalbkom : X'inhu l-eħfef, tgħid 'Dnubietek maħfura' jew tgħid 'Qum u imxi'? Mela biex tkunu tafu li Bin il-bniedem għandu s-setgħa jaħfer id-dnubiet fuq l-art" - qal lill-mifluġ: "Qum, qiegħed ngħidlek, aqbad friexek u mur lejn darek." U dak minnufih qam quddiemhom, qabad il-friex li fuqu kien mixħut, u telaq lejn id-dar ifaħħar lil Alla. U lkoll baqgħu mistagħġba u bdew ifaħħru lil Alla; u mtlew bil-biża' u bdew jgħidu: "Rajna ħwejjeġ tal-għaġeb illum!"

X   Ġw 5, 1-18
Wara dan, il-Lhud kellhom festa, u Ġesù tela' Ġerusalemm. F'Ġerusalemm, maġenb il-menqgħa tal-Bieb tan-Nagħaġ, hemm bini b'ħames loġoġ, li bil-Lhudi jgħidulu Betzata. F'dawn il-loġoġ kienet toqgħod kotra ta' morda, għomja, zopop u mifluġin. U kien hemm raġel li kien ilu tmienja u tletin sena marid. Ġesù rah qiegħed hemm, u meta sar jaf li kien ilu marid dak iż-żmien kollu qallu: "Trid tfiq?" "Sinjur," wieġbu l-marid, "ma għandix min jitfagħni fil-menqgħa xħin jitqanqal l-ilma, għax waqt li nkun sejjer jien ħaddieħor jinżel qabli." Qallu Ġesù: "Qum, aqbad friexek u imxi!" Minnufih dak ir-raġel fieq, qabad friexu u beda miexi. 

Dakinhar inzerta kien is-Sibt. Għalhekk il-Lhud qalu lil dak li kien fieq: "Is-Sibt illum, u ma jiswiex iġġorr friexek!" Iżda hu weġibhom: "Dak li fejjaqni qalli, 'Aqbad friexek u imxi.'" Huma staqsewh: "Min hu dan il-bniedem li qallek, 'Aqbad u imxi'?" Iżda l-imfejjaq ma kienx jaf min kien, għax Ġesù laħaq warrab billi hemmhekk kien hemm ħafna nies. Wara mbagħad Ġesù sabu fit-tempju u qallu: "Ara, issa fiqt, qis li ma tidnibx iżjed, biex ma tiġrilikx xi ħaġa agħar." Ir-raġel telaq u mar għand il-Lhud jagħtihom l-aħbar li kien Ġesù li fejqu. Għalhekk il-Lhud ħraxu għal Ġesù, għax f'jum is-Sibt kien jagħmel ħwejjeġ bħal dawn. Imma Ġesù qalilhom: "Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll." U minħabba f'hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.

X   Mt 8, 1-4
Kif niżel minn fuq il-muntanja, folol kbar marru warajh. U resaq fuqu wieħed lebbruż, inxteħet quddiemu u qallu,"Mulej, jekk trid, tista' tfejjaqni." Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Irrid; kun imfejjaq." U minnufih ġismu ndaf mil-lebbra. U qallu Ġesù: "Qis li ma tgħid lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis u agħmel l-offerta li ordna Mosè, biex hekk tagħti xhieda li inti fiqt."

X   Mk 1, 40-45
Resaq fuqu wieħed lebbruż jitolbu bil-ħerqa, inxteħet għarkubbtejh quddiemu u qallu: "Jekk trid, tista' tfejjaqni." Imqanqal mill-ħniena, Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Irrid, kun imnaddaf." U minnufih il-lebbra marritlu u ġismu ndaf. U widdbu bis-sħiħ, bagħtu malajr u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd; iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek kif ordna Mosè, biex tkunilhom ta' xhieda." Iżda dak, meta telaq, beda jxandar ma' kullimkien u jxerred l-aħbar, hekk li Ġesù f'ebda belt ma sata' iżjed jidħol bid-dieher, imma kien jibqa' barra fil-kampanja u kienu jmorru ħdejh nies minn kullimkien.

X   Lq 5, 12-16
Darba kien qiegħed f'belt. U jkun hemm raġel marid sewwa bil-lebbra; kif ra lil Ġesù, mar u nxteħet wiċċu fl-art quddiemu jitolbu u jgħidlu: "Mulej, jekk trid, tista' tfejjaqni." Ġesù medd idu fuqu, messu u qallu: "Iva, irrid; kun imfejjaq," u minnufih il-lebbra marritlu. Ġesù widdbu u qallu: "Qis li ma tgħid xejn lil ħadd. Iżda mur uri ruħek lill-qassis, u agħmel offerta għall-fejqan tiegħek, kif ordna Mosè, biex hekk tagħtihom xhieda li inti fiqt." Il-fama tiegħu bdiet aktar tixtered, u folol kbar ta' nies kienu jmorru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Iżda hu kien ifittex xi mkien imwarrab u jinġabar fit-talb.

X   Lq 17, 11-19
Ġara li, huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f'raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu 'l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: "Ġesù, Mgħallem, ikollok ħniena minna!" Kif rahom, qalilhom: "Morru uru rwieħkom lill-qassisin." U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa' lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f'riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: "Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa' lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani!" Imbagħad qallu: "Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek."

Konklużjoni

Il‑Mulej jafek aktar milli taf lilek innifsek. Ikkonkludi dan il‑mument ta’ riflessjoni billi tintelaq f’riġlejh fit-talba ta’ Salm 138.



Salm 138 (139), 1‑14

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill‑bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il‑mixi u l‑waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa.
Inkun għadni anqas lissint il‑kelma,
meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.
Dawramejt inti tħaddanni,
u tqegħedli idek fuqi.
L‑għerf tiegħek tal‑għaġeb,
ma nwassalx għalih;
għoli wisq, ma nlaħħaqx miegħu.
Fejn immur ’il bogħod mill‑ispirtu tiegħek?
Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?
Jekk nitla’ fis‑smewwiet, hemm int;
jekk nimtedd f’qiegħ l‑art, int hemm ukoll.
Jekk nilbes il‑ġwienaħ tas‑sebħ,
u mmur ngħammar fi truf il‑baħar,
hemm ukoll tilħaqni idek,
u taqbadni l‑leminija tiegħek.
Jekk ngħid: “Ħa jaħbini d‑dlam,
ħa jkunli d‑dawl lejl madwari,”
anqas id‑dlam ma hu mudlam;
għalik il‑lejl jiddi bħan‑nhar;
id‑dlam bħad‑dawl għalik.
Għax int sawwart
il‑ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Inroddlok ħajr, għax
tal‑għaġeb għamiltni:
tal‑għaġeb huma
l‑għemejjel tiegħek.
U ’l ruħi inti tafha tajjeb.