Venerazzjoni

tas-Salib

Venerazzjoni tas-Salib

Fl‑Isem tal‑Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ:
Inti ma tridx il-mewt tal-midneb, imma li jikkonverti u jgħix.
Għin lill-poplu tiegħek sabiex jitbiegħed mid-dnub tiegħu u jgħix għalik biss.

Nitolbu li nkunu miftuħa għall-kelma tiegħek, nistqarru dnubietna, nirċievu l-maħfra tiegħek, u nkunu dejjem grati għall-ħlewwa tiegħek.
Għinna ngħixu l-verità fl-imħabba u nikbru fil-milja ta’ Kristu, Ibnek, li jgħix u jsaltan għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.

Alla huwa ħanin

Ninġabru f’dan iż-żmien, b’xewqa umli għall-indiema, għax fiduċjużi li Alla huwa ħanin.

Aħna fiduċjużi għax, f’kull żmien, Alla wera l-ġustizzja u l-ħniena tiegħu.

Meta l-poplu magħżul żbalja, bagħat lill-profeti biex jerġa’ jressqu lejh.

Bagħat lil Ġwanni l-Battista biex isejjaħ lill-midinbin għall-indiema u biex iħabbar il-miġja tas-Salvatur.

U fl-akbar turija tal-imħabba ħanina tiegħu, Alla bagħat lil Ibnu l-waħdieni biex jgħix fostna, jgħallem l-imħabba tal-Missier, u jeħlisna mid-dnub u l-mewt.

Alla jibqa’ jsalva lill-poplu tiegħu u joffrilna, bħala l-Knisja tiegħu, il-ħniena divina tiegħu, b’mod speċjali permezz tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

Alla jsejħilna biex nikkonvertu.

Ejjew għalhekk nitolbuh l-grazzja ta’ ndiema sinċiera hekk kif “inħarsu, immissu u nfittxu li nfiqu permezz tal-pjagi ħanina ta’ Kristu” Msallab, l-Ikona tal-ħniena ta’ Alla.

“Ġesù jistedinna nħarsu lejn dawn il-pjagi, jistedinna mmissuhom, kif għamel ma’ Tumas, biex infiqu min-nuqqas ta’ twemmin tagħna. Jistedinna fuq kollox, biex nidħlu fil-misteru ta’ dawn il-pjagi, li huma l-misteru tal-imħabba ħanina tiegħu. Permezz tagħhom, qisu f’raġġ ta’ dawl, aħna nistgħu naraw sħiħ il-misteru ta’ Kristu u ta’ Alla: il-Passjoni tiegħu, ħajtu fuq din l-art – mimlija ħniena għaż-żgħar u għall-morda – l-inkarnazzjoni tiegħu fil-ġuf ta’ Marija. U nistgħu nimirħu b’lura tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni: il-profeziji – speċjalment dik tal-Qaddej ta’ Jaħwè, is-Salmi, il-Liġi, il-Patt, sal-ħelsien mill-Eġittu, għall-ewwel Għid u d-demm tal-ħaruf imbiċċer; u wkoll mill-Patrijarki sa Abraham, u mbagħad, fl-imgħoddi l-aktar imbiegħed, naslu sa Abel u d-demm tiegħu li jgħajjat minn ġo l-art. Dan kollu nistgħu narawh permezz tal-pjagi ta’ Ġesù Msallab u Rxuxtat, u, bħal Marija fil-Magnificat nistgħu nagħrfu li ‘l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien minn nisel għal nisel’ (Luqa 1:50).” (Omelija tal-Papa Franġisku, 12 ta’ April 2015)

Inpoġġu quddiem għajnejna kif Kristu Msallab huwa l-Ikona tal-Ħniena tal-Missier.

“Ħarsu, missu u fittxu li tfiqu permezz tal-pjagi ħanina ta’ Kristu”

Bid-devozzjoni u l-ġieħ li nuru lejn il-pjagi ta’ Kristu, niġu wiċċ imb wiċċ mal-Mulej u Salvatur, li hu l-Aħbar it-Tajba tal-ħniena, it-tjubija tal-imħabba u t-tama eterna tagħna. Hu mument fejn nesperjenzaw is-salvazzjoni tiegħu, hekk kif ninxteħtu quddiemu u noffru lilna nfusna bit-tbatijiet u l-ferħ tagħna. Dan hu mument, anzi hi attitudni, fejn niffukaw fuqu biss, fuq is-sagrifiċċju tal-imħabba infinita tiegħu, biex qlubna jfittxu lilu u jsiru ħaġa waħda ma’ tiegħu. Hu, li jafna aktar milli nafu lilna nfusna, jistedinna biex ninfetħu ktieb quddiemu biex jgħinna naqraw il-paġni ta’ ħajjitna, dawk passati u dawk preżenti, biex flimkien miegħu nimxu ’l quddiem, bħal mgħallem u dixxiplu… bħal ħbieb.

Permezz ta’ Kristu, nidħlu f’għaqda ma’ Alla, li, fil-ħniena infinita tiegħu, meta s-swidija titkebbeb madwarna, jixħet raġġ ta’ Dawl: l-Imħabba li huwa l-Ispirtu Qaddis tagħhom. Anke jekk il-Missier jibqa’ dejjem is-Skiet li ma jidhirx, permezz tal-Knisja ta’ Kristu, iżommna minn idejna bil-ġentilezza ta’ omm, biex jerġa’ jqajjimna xħin naqgħu. Permezz tal-magħżulin qaddisa tiegħu, il-Ġisem ta’ Kristu, il-Missier qatt ma kien aktar viċin tagħna minn hekk: viċin daqs it-taħbita ta’ qalbna stess. Iżda meta qlubna jitqalu bl-inkwiet u l-ansjetà, jekk aħna nwebbsu qlubna, ma nagħrfux il-preżenza ta’ Alla fostna, u hekk jingħalqu għajnejna għad-Dawl u l-Imħabba li hu l-Ispirtu s-Santu.

Bid-devozzjoni li nuru lejn il-pjagi ta’ Kristu Msallab, bil-kontemplazzjoni tal-misteru tal-ħniena tas-salvazzjoni ta’ Alla, qlubna jirtabu u għajnejna jinfetħu bil-mod biex joqogħdu għad-dija tal-Ispirtu ta’ Alla.

Hekk kif Kristu jiffissa ħarstu fuqna, hekk kif għajnejna jogħlew biex jiltaqgħu ma’ tiegħu, naraw lill-Mulej, l-Imgħallem u l-Ħabib tagħna, il-wiċċ tal-ħniena ta’ Alla.

Hekk kif għajnejna jħarsu f’għajnejh, qalbna tħabbat ma’ tiegħu u, fis-silenzju, nibdew inqallbu l-paġni ta’ ħajjitna… stejjer ta’ wġigħ imħallta ma’ dawk tal-ferħ… il-battalja interna tad-diqa li Alla jixtieq li jfiq.

Waqt li qed inħejju ruħna biex nikkontemplaw kull pjaga, ejjew nagħrfu li qegħdin fil-preżenza ta’ Alla.

Hawn jien, Mulej.

“Il-ħdax-il dixxiplu telqu lejn il-Galilija u marru fuq il-muntanja fejn kien ordnalhom Ġesù. Kif rawh, inxteħtu quddiemu, għalkemm xi wħud iddubitaw. Ġesù resaq ikellimhom u qalilhom: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu, u għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien. U ara, jiena magħkom dejjem, sal-aħħar taż-żmien.” (Mt 28: 16-20)

  • Marru fuq il-muntanja

Mur fuq il-muntanja… il-post privileġġat fejn Alla jiltaqa’ mal-bniedem biex jiżvela d-Dawl u l-glorja tiegħu! Mur fuq il-muntanja… bħall-appostli, ħalli lil Alla jiltaqa’ miegħek. Ħalli l-qalb tiegħek ittir ’il fuq u tiltaqa’ ma’ dik ta’ Alla…

  • Inxteħtu quddiemu… uħud iddubitaw

Jista’ jkun li xħin tinxteħet quddiemu inti tibża’… iżda jista’ jkun ukoll li tħoss id-dubji. Il-passat jew il-preżent tiegħek iġagħlek tistaqsi jekk Alla huwiex verament imħabba, jekk huwiex verament hemm, jekk fuq kollox aħniex mitluqin għal rasna. Ħalli dan il-mument ta’ silenzju jkun spazju fejn Alla jisma’ l-istorbju kollu li hemm ġewwa fik; ħalli s-silenzju jkun għalik mument biex tisma’ lil Alla.

  • Jien magħkom dejjem

Il-paradoss ta’ dan kollu hu li qabel jaqbad triqtu għal għand il-Missier, Ġesù jwegħedna li se jibqa’ magħna għal dejjem. Int tħossu viċin tiegħek? Tħossu viċin tiegħek f’dawk li jħobbuh ukoll? Jekk le, hemm din ix xewqa ġewwa fik? Tixtieq għaqda ma’ dawk li huwa jħobb?

Hekk kif nagħrfu l-preżenza ta’ Alla, ejjew inħossu t-tgħanniqa tal-ħniena infinita tiegħu.

“Biżżejjed! Kunu afu li jien Alla” (Salm 46: 10)

Hawn jien Mulej. Quddiemek insib is serħan tiegħi. Fil-ġrieħi tiegħek nara l-ġrieħi tiegħi u fil-preżenza tiegħek insib il-fejqan mill-weġgħat u t-tbatija tiegħi. Int taf tajjeb dak li ngħaddi minnu; int miegħi meta nsofri, maġenbi meta l-weġgħat tiegħi jinfdu qalbi. Meta saqajja jogħtru int hemm biex treġini; int hemm iġġorr is-salib tiegħi għalija; int viċin tiegħi u tgħannaqni anke fil-mumenti li fihom ma narax ħlief dlam, li jtaqqal il-ħarsa tiegħi. Bħax-xemx matul il-lejl, int iżżomm kelmtek li tibqa’ magħna dejjem.

Infaħħrek, Mulej, għall-preżenza kostanti tiegħek f’ħajti… f’ħajjitna. Il-preżenza tiegħek fostna mhix ta’ benefiċċju għalina biss. Inti Alla li tħobb bla tmiem, li tħobb lil kull wieħed u waħda minn uliedek u lilna lkoll bħala ħaġa waħda. Inti ma ssejjaħx lili, jew lil dawk qrib tiegħi, biex ngħaqqdu grupp żgħir imdawwar miegħek. Int issejħilna għal għandek biex, wara li nqattgħu ftit ħin miegħek, fuq il-muntanja, tibgħatna nxandru l-ħniena tiegħek, biex kulħadd, kullimkien, ikun jista’ jduq it-tjubija tiegħek. Int issejħilna biex nixorbu u nimtlew bl-imħabba tiegħek, infuru bit-tjubija tiegħek, biex naqsmu l-ferħ fil-qalb tagħna mad-dinja kollha.

Għax imħabbtek hi l-għajn tal-fejqan tagħna; minnha tiġina l-forza sabiex nerġgħu nqumu fuq saqajna; u nibdew il-mixja lejn il-fejqan. Il-pjagi ta’ Kristu huma l-mediċina tar-ruħ li jeħtieġ li nwasslu lill-oħrajn. Anke jekk il-memorji tal-ġrieħi u l-weġgħat f’ħajjitna ma jonqsux, dawn m’għandhomx ikunu ktajjen ma’ saqajna jew imsiemer li jsammruna mas-salib. Anzi, nistgħu nkunu ħielsa, għax lilu sawtuh; għabbewh is-salib; u miet għalina… Kristu msallab, il-ħaruf innoċenti li għażel li jmut biex jirbaħ il-Mewt, ħalli aħna nkunu nistgħu ngħixu…

Hekk kif aħna mdawrin bil-ħniena ta’ Alla, ejjew nitwaħħdu mal-bżonn tagħna li nfiqu.

Mulej, nixtieq il-fejqan tiegħek.

Isma’ lill-Mulej jistiednek “Qum u imxi” (Mt 9: 1-8; Mk 2: 1-12; Lq 5: 17-26; Ġw 5: 1-18); u jlissen f’qalbek “Talitha, cum …Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum!” (Mk 5: 21-43)

  • X’inhuma l-ġrieħi u l-weġgħat tiegħi li qed iżommuni wiċċi ’l isfel?
  • X’inhuma l-ġrieħi, il-weġgħat tal-antenati tiegħi li ilhom fil-familja għal żmien twil u li qed iżommuna milli nimxu ’l quddiem?
  • X’inhuma l-ġrieħi u l-weġgħat kbar ta’ għajri li qed jixxennaq għall-ġustizzja u l-ħniena ta’ Alla?

Iftaħ spazju fil-qalb tiegħek biex il-Mulej jidħol.

  • Xi nħoss li l-Mulej qed jitlobni nagħmel biex nibda l-proċess ta’ fejqan–mingħajr ma ninsa dak li tgħallimt mill-passat?
  • X’qed jitlob minni l-Mulej biex ninħallu mill-ktajjen tal-ġrieħi fondi li rażżnu ġenerazzjonijiet sħaħ?
  • X’qed jitlob minni l-Mulej biex il-ktajjen tal-qalb ta’ għajri jinħallu ftit, u jkun jista’ jerġa’ jirbaħ il-ħelsien?

Ejjew inħejju ruħna biex insemmu kull ġerħa li għaliha nistgħu nfittxu l-maħfra b’qalb niedma.

Aħfirli Mulej, għax dnibt.

Mhux dejjem aċċettajna jew rajna l-ferħ tal-imħabba ta’ Alla. Hekk kif inħarsu lejn is-Salib, hekk kif inħejju ruħna għal dan l-att ta’ venerazzjoni tal-pjagi ta’ Kristu, ejjew inħallu lil Kristu jiftħilna għajnejna għall-weġgħat u l-ġrieħi ta’ dawk madwarna; biex jgħinna nagħrfu l-ħafna drabi fejn stajna konna aħna stess ta’ ostaklu, ta’ skandlu, li waqqaf l-imħabba ta’ Alla milli tasal għand ħutna u għajrna.

Hekk kif naraw u nlissnu dnubietna, ejjew naraw kif il-ġrieħi u l-weġgħat li kkawżajna fuq ħaddieħor, qegħdin fuqna wkoll. Dnubietna jaffettwawna b’mod negattiv u jsiru l-ġrieħi tagħna stess.

F’dan l-att ta’ venerazzjoni tal-pjagi ta’ Kristu, nistgħu naraw lilna nfusna fil-ħafna midinbin li ltaqgħu ma’ Kristu u daqu l-ħniena tiegħu personalment u direttament.

Id-dnub tat-tradiment ta’ Pietru:
il-ġerħa tal-Knisja li ma ngħixux ta’ Nsara denji tal-isem ta’ dixxipli ta’ Kristu

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (13: 3-11)

Ġesù kien jaf li l-Missier tah kollox f’idejh, u li hu kien ġie mingħand Alla u kien sejjer għand Alla. Qam minn fuq il-mejda, neħħa l-mantar minn fuqu, ħa fardal u rabtu ma’ qaddu. Imbagħad ferragħ l-ilma fil-lenbija, u beda jaħsel saqajn id-dixxipli u jixxuttahomlhom bil-fardal li kellu ma’ qaddu. Mela wasal fuq Xmun Pietru, u dan qallu: “Int, Mulej, taħsilli saqajja?” Ġesù wieġbu: “Int għalissa ma tafx x’qiegħed nagħmel jien; tifhmu aktar ’il quddiem.” Qallu Pietru: “Ma jkun qatt li inti taħsilli saqajja!” Wieġbu Ġesù: “Jekk ma naħsillekx saqajk, ma jkollokx x’taqsam miegħi.” Qallu Xmun Pietru: “Mulej, mhux saqajja biss, imma idejja u rasi wkoll.” Qallu Ġesù: “Min hu maħsul, ma għandux għalfejn jinħasel kollu, ħlief saqajh, għax hu kollu kemm hu nadif, u intom indaf, imma mhux ilkoll.” Għax hu kien jaf min kien sejjer jittradih; għalhekk qal, ‘M’intomx ilkoll indaf.’

Pietru, il-Blata li Kristu jagħżel biex fuqha jibni l-Knisja tiegħu, huwa wkoll id-dixxiplu li jbati biex jaċċetta li l-imgħallem tiegħu, Ġesù–anke jekk jagħrfu bħala l-Messija mwiegħed u tabilħaqq, l-Iben ta’ Alla–mhuwiex il-Messija li kien qed jistenna Pietru, iżda dak skont il-pjan ta’ Alla. Il-Messija, il-Midluk, ma ġiex fid-dinja biex ikun moqdi imma biex jaqdi, ma ġiex biex jitgħolla fuq kollox, iżda biex jagħti ħajtu fuq is-salib; ma ġiex biex jimxi skont il-loġika tas-setgħa tad-dinja, iżda biex jaqlibha ta’ taħt fuq billi jsir vittma tagħha. Pietru tħabat biex jara lil Alla kif inhu. Mhux bħala Alla tas-setgħa u l-qawwa; iżda Alla tal-umiltà ġentili, tal-manswetudni, tal-imħabba radikali tas-sagrifiċċju li din biss tfejjaq lid-dinja. It-tradiment ta’ Pietru mhuwiex differenti mill-materjaliżmu tal-Knisja fi żmienna: meta nirrifjutaw li nkunu umli; meta nirrifjutaw li naqdu; meta nirrifjutaw li naċċettaw li d-dinja mhix hemm biex tagħtina pjaċir, imma li aħna qegħdin fiha biex noffru ħajjitna lil dawk li–f’għajnejna–jistgħu jidhru l-anqas li jistħoqqilhom.

Aħseb: Kien hemm ħafna persuni li sfaw vittmi ta’ rappreżentanti tal-Knisja: dawk bl-Ordni Sagri jew lajċi. Il-Knisja istituzzjonali kkawżat ħafna inġustizzji u tbatija. Hemm firdiet bejn il-membri tal-Knisja. Ħafna nies iħossuhom miċħuda mill-Knisja Omm: barranin f’darhom stess, minħabba s-sitwazzjoni personali, jew forsi l-orjentazzjoni sesswali tagħhom jew anke weġgħat tal-passat.

Saqsi: Jista’ jkun li jien kelli sehem f’din it-tbatija? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l-attitudni ta’ preġudizzju, ta’ ostilità, ta’ ġudizzju? Jien stajt rajt u skitt quddiem inġustizzja, minħabba l-biża’ jew għax qabilli?

Nitlob maħfra għal kemm-il darba ma mxejtx wara Kristu, imma wara l-ideat tiegħi ta’ min hu Kristu; meta minflok rajt l-Aħbar it-Tajba tal-ħniena, ħadt skandlu bl-attitudnijiet ta’ ġudizzju, ta’ kundanna, u ta’ suppervja. Nissieħeb ma’ Pietru li, wara l-qawmien mill-mewt, xorta kellu laqgħa personali ma’ Kristu: “Tħobbni int?” nisimgħu l-eku ta’ Ġesù ġewwa qalbna. Jekk għandna l-kuraġġ inwieġbu iva, imbagħad inkunu nafu li qed isejħilna biex nirgħu n-nagħaġ tiegħu… l-iżgħar fost il-merħla tiegħu (Ġw 21:15-17).

Id-dnub ta’ nuqqas ta’ lealtà tal-Adultera:
il-ġerħa tagħna, il-maħbuba ta’ Kristu, li niċħdu l-imħabba tar-Raġel u Ħabib tagħna

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (7: 36-48)

Wieħed mill-Fariżej stieden lil Ġesù biex jiekol miegħu; Ġesù daħal għand il-Fariżew u qagħad għall-ikel. Issa fil-belt kien hemm midinba magħrufa. Din saret taf li kien qiegħed għall-ikel fid-dar tal-Fariżew; ġiebet vażett tal-alabastru biż-żejt ifuħ; u marret qagħdet warajh ħdejn riġlejh, tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha; imbagħad bisitlu riġlejh u dilkithomlu biż-żejt ifuħ. Kif ra hekk il-Fariżew li stiednu qal bejnu u bejn ruħu: “Dan, li kien profeta, kien ikun jaf min hi u x’mara hi din li qiegħda tmissu; kien ikun jaf, għax hi midinba!” Imma Ġesù qabad u qallu: “Xmun, għandi ħaġa xi ngħidlek.” “Għid, mgħallem,” qallu dak. “Tnejn min-nies kellhom id-dejn ma’ wieħed li jislef il-flus; wieħed kellu jagħtih ħames mitt dinar u l-ieħor ħamsin. Minn fejn iħallsu dejnhom ma kellhomx, u hu ħafrilhom it-tnejn. Min minnhom se jħobbu l-iżjed?” Wieġeb Xmun u qal: “Jidhirli jien li dak li ħafirlu l-iżjed.” “Ħsibtha tajjeb,” qallu Ġesù. Imbagħad dar lejn il-mara u qal lil Xmun: “Qiegħed taraha lil din il-mara? Dħalt għandek, u ilma għal riġlejja ma tajtnix, iżda hi riġlejja xarrbithomli bi dmugħha u xxuttathomli b’xuxitha. Bewsa ma tajtnix, iżda hi minn xħin daħlet ma waqfitx tbusli riġlejja. Rasi ma dlikthilix biż-żejt, imma hi dilkitli riġlejja b’żejt ifuħ. Għalhekk ngħidlek li dnubietha, li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna; imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb.” Imbagħad qal lilha: “Dnubietek maħfura.”

Fil-Kapitlu 8:3-11 tal-Evanġelju skont San Ġwann, insibu l-istorja tal-mara li kienet inqabdet fl-adulterju u li n-nies fittxew li jħaġġruha kif kienet titlob il-Liġi. F’dik l-istorja, m’hemmx dubju dwar il-ħtija tal-mara. Lanqas m’hemm dubju li dawk li fittxew li jħaġġruha kienu qed jagħmlu dan għax kienu jemmnu li qegħdin jipproteġu l-valuri tas-soċjetà tagħhom. Iżda Ġesù jitlobhom jaraw ir-realtà minn perspettiva oħra–dik ta’ Alla nnifsu; ta’ Dak li huwa biss Hu tajjeb tassew. Ġesù jisfida lil dawk li riedu jimxu mal-Liġi biex jaħsbu jekk huma ukoll kinux f’qalbhom–jekk mhux pubblikament–mingħajr ħtija, u għalhekk jekk kinux huma wkoll kompliċi fil-ħsara li ssir lill-persuni individwalment u lill-ġid komuni.

F’din l-istorja mill-Evanġelju ta’ San Luqa, nistgħu nimmaġinawna niltaqgħu mal-istess mara–xorta magħrufa bħala “midinba”; xorta mwarrba–iżda li, f’qalbha, nidmet u wriet il-gratitudni tagħha għall-ħniena li rċeviet b’din it-turija straordinarja ta’ mħabba u devozzjoni lejn Ġesù. Tersaq lejh, tibki ħdejn saqajh, tbushom bi ħlewwa. Ġesù jerġa’ jgħidilha li dnubietha maħfura… anke jekk fid-dmugħ tagħha tista’ tara l-ħażin kollu li għamlet. Bil-fatt li hi ma temminx li dnubietha jistgħu tassew jiġu maħfura, hu jfakkarna wkoll li hemm “adulterju” akbar: mhux biss dak li nwarrbu liż-żgħar fostna, li Alla jħobbhom bi ħlewwa infinita, ikunu fejn ikunu u jagħmlu x’jagħmlu… imma anke li nwebbsu qalbna biex nilqgħu l-imħabba infinita ta’ Alla u li nirreżistu, minħabba l-mistħija tagħna, li nistrieħu fil-ħniena ta’ Alla.

Aħseb: F’kemm relazzjonijiet fil-familji, bejn il-koppji, bejn l-aħwa, setgħu kienu valenużi. Ir-relazzjonijiet intimi jistgħu jew ma jkunux frott l-imħabba jew saħansitra jkunu abbużivi. Ħafna nies sofrew abbużi sesswali, psikoloġiċi u finanzjarji fi ħdan il-familja stess.

Saqsi: Jiena ipokrita–niġġudika lil ħaddieħor, mingħajr ma nagħraf li stajt kont kompliċi bid-dnubiet tal-azzjonijiet li għamilt jew m’għamiltx? Jiena supperv/a–nibni ħitan ta’ arroganza u frugħa madwari–li jwaqqfuni milli nara l-imħabba ta’ Alla f’uliedu kollha?

Nitlob maħfra għal kemm-il darba ċħadt l-imħabba murija lili; nitlob maħfra talli ma ħabbejtx lil dawk li għalihom il-Maħbub miet fuq is-salib. Nitlob maħfra talli ttradejt, permezz tal-ebusija ta’ qalbi, il-loġika tal-imħabba ta’ Alla: li hija dejjem ħanina, dejjem ġeneruża, dejjem twajba.

Id-dnub kollettiv tagħna li jħassar il-ħolqien ta’ Alla:
il-ġerħa tal-vjolenza, il-waħx, u l-qerda tagħna nfusna, tal-oħrajn u tal-ambjent

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23: 27-31)

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’! Imbagħad jibdew jgħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet, ‘Ordmuna!’ Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”

Fost dawk li mxew wara Ġesù lejn il-Golgota, kien hemm grupp ta’ nisa jibku l-kundanna tiegħu. Bħala nisa, li ġisimhom iġorr u jredda’ lit-trabi, jirrappreżentaw il-qawwa tal-ħolqien innifsu li hu maħsub biex jagħti l-ħajja. Minflok, minħabba s-suppervja u d-dnub oriġinali tal-bniedem, il-ħolqien jintrebaħ mit-traġedja tal-vjolenza u l-mewt, u jiġi mtebba’ mill-qawwiet tal-qerda. Bl-istess mod, hekk kif Ġesù, l-innoċenti, iġorr is-salib sal-Kalvarju, id-dehra tiegħu tinbidel ukoll. Kif jilmenta l-profeta Isaija (52:14) “għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s-sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem.”

Huwa f’dan il-mument li l-leġġenda tgħidilna l-istorja ta’ waħda min-nisa li titħassru u tagħtih il-maktur tagħha biex jimsaħ wiċċu mid-demm u t-tajn. Il-maktur isir il-“vera ikona” tas-salvazzjoni; id-dehra ta’ Ġesù ttorturat bħala l-wiċċ proprju tal-ħniena ta’ Alla. Permezz tat-tqanqil, il-kompassjoni u l-ħniena ġentili tagħha, il-mara tipparteċipa fil-ħniena ta’ Alla.

Aħseb: F’kemm stajna konna irresponsabbli lejn l-ambjent ta’ madwarna. Kemm ma tajniex każ dak li kien qed jiġri madwarna u forsi ma ħadniex passi biex intejbu l-ambjent li ngħixu fih.

Saqsi: Jien stajt kont kaġun ta’ din it-tbatija? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l-attitudni? Jien stajt skitt quddiem inġustizzja minħabba l-biża’ jew għax qabilli?

Nitlob maħfra għad-dnubiet ta’ omissjoni; għal kemm-il darba ħallejt id-dnub jikber u m’għamilt xejn biex toħroġ il-ħlewwa mid-diqa, biex it-tama tkisser il-ħakma tal-ħażen. Ma nkunx kompliċi biss b’dak li nagħmel, imma anke meta nħossni li tlift, u ma nafdax li anke l-iżgħar ġest ta’ tjubija jista’ jħalli l-frott u jirrifletti d-dija tal-imħabba infinita ta’ Alla.

Id-dnub fin tal-indifferenza ta’ Xmun minn Ċireni:
il-ġerħa li nagħlqu għajnejna għat-tbatija tal-oħrajn

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (15: 21-26)

Kien għaddej wieħed, Xmun minn Ċireni, missier Xandru u Rufu, ġej lura mir-raba’, u ġagħluh jerfagħlu s-salib. U wassluh f’post jismu Golgota, li jfisser post il-Qorriegħa. U tawh jixrob inbid imħallat bil-mirra, imma hu ma riedx jieħu minnu. Imbagħad sallbuh, u qassmu ħwejġu bejniethom billi tellgħuhom bix-xorti ħalli kull wieħed jieħu li jmissu. Kienet it-tielet siegħa xħin sallbuh. Il-kitba li turi l-ħtija tal-kundanna tiegħu kienet tgħid hekk: “Is-sultan tal-Lhud.”

Aħna nfaħħru lil Xmun bħala dak li għen lil Ġesù jġorr is-salib. Infaħħruh għax uliedu jidher li saru dixxipli u nafuhom b’isimhom. Iżda huma jiftakru u jirrakkuntaw l-esperjenza għax raw il-bidla li seħħet f’missierhom. Minn raġel li pprefera jagħmel affarih–Xmun li kien sempliċiment “għaddej”, u jagħmel l-almu tiegħu biex jinjora lil Ġesù u jevita l-inkwiet–bilfors li ġrat xi ħaġa fih li bidlitu.

Nistgħu nistaqsu jekk huwiex tassew Xmun li jġorr il-piż ta’ Ġesù. Jew jekk fil-fatt, f’dak il-mument li jieħu s-salib, huwiex Ġesù li jieħu l-piż ta’ Xmun. Xmun jiltaqa’ ma’ Ġesù–b’mod profond u intimu–u d-dnub tiegħu tal-indifferenza jfiq. Nistgħu nimmaġinaw lil Xmun jitqanqal; il-qalb tal-ġebel issir qalb tal-laħam; ħajtu tinbidel ta’ taħt fuq.

Aħseb: F’kemm il-ġrieħi u l-weġgħat tal-oħrajn huma wkoll frott in-nuqqas ta’ attenzjoni tagħna… Jiena indifferenti għal dak li jiġri madwari, għax nippreferi li nkun biss “għaddej” u ma nħalli xejn jaffettwani? Nagħlaq widnejja? (Mk 7: 31-37) Nagħlaq għajnejja? (Mk 8: 22-26; Mt 20: 29-34; Lq 18: 35-43; Ġw 9: 1-12) Indum naħsibha biex nieħu azzjoni? (Mt 9: 1-8; 12: 9-13; Mk 2: 1-12, Lq 5: 17-26; Ġw 5: 1-18)

Saqsi: X’qed iżommni ’l bogħod mill-ġrieħi tal-oħrajn? Il-biża’, il-bruda, it-tgħaddib? X’inhi l-ġerħa tiegħi li qed naħrab minnha? Nazzarda mmiss it-tbatija tiegħi stess li hija riflessa fil-ġrieħi tal-oħrajn? Inħalli lil Ġesù jibdel l-indifferenza tiegħi fil-ferħ tal-Evanġelju?

Nitlob maħfra talli ma afdajtx li l-imħabba tiegħek, Mulej, tfejjaq u li l-istorja tiegħi ma tintemmx bil-ġrieħi tiegħi. Hemm wisq paġni fil-ktieb ta’ ħajti li għadhom iridu jinkitbu jekk inħalli lil qalbi titqanqal mill-ħniena tiegħek, u nitgħallem inħobb lil għajri kif int, Mulej, tfittex li tħobb lili.

Id-dnub taż-żuffjett u t-tgħajjir tas-suldati Rumani:
il-ġerħa tal-kliem iebes li jkisser lill-innoċenti li l-Mulej tant iħobb

Qari mill-Evanġelju skont San Mark (15: 16-20; 33-39)

Is-suldati ħaduh magħhom ġewwa fil-palazz, jiġifieri l-Pretorju, u sejħu r-riġment kollu. Libbsuh ilbies aħmar skur, u qegħdulu fuq rasu kuruna minsuġa mix-xewk. U bdew isellmulu: “Is-sliem għalik, sultan tal-Lhud!” U qabdu jagħtuh b’qasba fuq rasu, jobżqulu fuqu, u jilwu rkupptejhom quddiemu biex jagħtuh qima. Imbagħad, wara li għaddewh biż-żuffjett, neżżgħulu l-ilbies aħmar u xeddewlu ħwejġu.
(…)
Xħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U fid-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Eloî, Eloî, lema sabaqtani!”, li jfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni!” Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!” U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl-inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal: “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!” Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu. U l-purtiera tas-santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel. Iċ-ċenturjun li kien wieqaf biswitu, meta rah jgħajjat u jmut hekk, qal: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla!”

Fl-istorja tal-kundanna ta’ Ġesù naraw tliet relazzjonijiet mal-oppressur politiku: il-gvernatur li jinterrogah, iżda li jirrifjuta li jagħrfu u b’hekk jaħsel idejh; is-suldati li jittrattawh bħal kull persuna kkundannata oħra u b’hekk jiżżuffjettaw bih u jgħajruh… anke jekk biż-żuffjett tagħhom, ironikament, hemm l-għarfien vag tal-verità li huwa “sultan”; u fl-aħħar iċ-ċenturjun, “li kien wieqaf biswitu” u fil-fatt rah, b’għajnejh jiltaqgħu ma’ ta’ Ġesù u jagħrfu bħala “Bin Alla”. Pilatu forsi ma riedx jisma’ l-verità għax ma kinitx iddoqq għal widnejh; is-suldati għawġu l-verità bit-tgħajjir; iżda ċ-ċenturjun lissen il-verità hekk kif Ġesù “radd ruħu”.

Ġwanni 8:44 isejjaħ lix-xitan “missier il-gideb” u m’hemm l-ebda gidba akbar minn dik li tiżżuffjetta bil-verità u tgħawwiġha biex tagħmel kemm jista’ jkun ħsara. Il-gideb–meta nużaw kliemna bl-intenzjoni li ngħawġu l-verità–ma jittradix biss ir-relazzjonijiet tagħna ma’ xulxin, ma’ Alla u mal-ħolqien ta’ Alla… iżda wkoll magħna nfusna.

Aħseb: F’kemm teżisti attitudni negattiva lejn gruppi ta’ nies li nqisuhom “differenti”, ta’ etniċità differenti, ta’ gruppi differenti fil-Knisja, jew saħansitra ta’ opinjonijiet differenti. Kemm jinxtered tajn fuq ħaddieħor, informazzjoni ħażina u informazzjoni qarrieqa minħabba n-nuqqas ta’ ħsieb jew agħar minn hekk minħabba l-mibegħda.

Saqsi: Jien stajt kont kaġun ta’ din it-tbatija? Jien stajt mingħajr ma naf komplejt din l-attitudni? Jien stajt minħabba l-biża’ jew għax qabilli xerridt il-gideb, nofs veritajiet, jew għawwiġt il-fatti?

Nitlob maħfra għall-abbuż mill-kliem u l-abbuż permezz tal-kliem. Nitlob maħfra talli ma ħadtx ir-responsabbiltà bis-serjetà biżżejjed biex infittex il-verità u nlissinha bl-aktar mod sempliċi u ċar possibbli. Nitlob maħfra talli injorajt il-qawwa tal-kliem li jista’ jibni jew ikisser.

Id-dnub tan-nuqqas ta’ fidi f’Alla:
il-ġerħa tal-ebusija tal-qalb u li ma naċċettawx il-maħfra ta’ Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa (23: 32-43)

Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu. Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.” Imbagħad tellgħu x-xorti u qassmu ħwejġu bejniethom. Il-poplu waqaf hemm, iħares, waqt li l-kapijiet bdew jiddieħku b’Ġesù u jgħidu: “Salva lil oħrajn; ħa jsalva lilu nnifsu jekk dan hu l-Messija, il-Maħtur ta’ Alla!” Is-suldati wkoll bdew jgħadduh biż-żmien; u resqu lejh, newlulu nbid qares u qalulu: “Jekk inti s-sultan tal-Lhud salva lilek innifsek!” Fuq rasu kien hemm ukoll kitba li kienet tgħid, ‘Dan huwa s-sultan tal-Lhud.’
Wieħed mill-ħatjin li kienu msallbin miegħu beda jgħajru u jgħidlu: “Int m’intix il-Messija? Salva lilek innifsek u lilna.” Imma qabeż l-ieħor, ċanfru u qallu: “Anqas minn Alla int ma tibża’, int li qiegħed taħt l-istess kundanna? Tagħna hija ġusta, tassew, għax qegħdin nieħdu li ħaqqna ta’ kulma għamilna; imma dan ma għamel xejn ħażin.” Imbagħad qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek.” U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi.”

Aħna wkoll ħatja bħal dawk li kienu kkundannati ma’ Ġesù. Meta nagħmlu eżami tal-kuxjenza, inkunu nistgħu naraw fejn tlifna t-triq, fejn ix-xewqat tagħna ġrew bina, fejn saret ħsara lir-relazzjonijiet tagħna. Aħna lkoll midinbin. Iżda d-dnub li ma jinħafirx huwa d-dnub li tirrifjuta l-maħfra ta’ Alla. Id-dnub veru huwa li tinsisti fiċ-ċaħda tal-ħniena ta’ Alla. Hija l-qalb iebsa li tirrifjuta li tindem minħabba s-suppervja tagħha. Il-Papa Franġisku jsejħilha “korruzzjoni”: li nwebbsu rasna fl-azzjonijiet ħżiena għax ma rridux narawhom bħala ħżiena.

Aħseb: F’kemm-il darba minflok tassew niddixxernu u nfittxu l-verità dwar x’inhu tassew tajjeb jew ħażin, infittxu skużi biex niġġustifikaw l-intenzjonijiet ta’ ħsara jew ix-xewqat vjolenti tagħna, u hekk nispiċċaw niġġustifikaw anke l-ħażin oġġettiv li nagħmlu.

Saqsi: Għażilt li ma nħallix id-Dawl tal-imħabba ta’ Alla jdawwalli lil qalbi u jikxef id-dalma li hemm fiha? Ħallejt is-suppervja twaqqafni milli nammetti li żbaljajt u nitlob maħfra?

Nitolbok Mulej ix-xewqa għal qalb niedma. Nitolbok Mulej iddawwal id-dalma tiegħi bid-Dawl tiegħek. Nitolbok tgħinni nara l-istorja ta’ ħajti b’għajnejk; li niġġudika l-azzjonijiet tiegħi bil-ġustizzja tiegħek; li niftaħ qalbi beraħ għal ħarstek li tagħder u l-ħniena tiegħek li tfejjaq. Nitolbok il-grazzja tal-indiema.

Kif Kristu jħares lejn il-ġrieħi tagħna,
Alla jibki bħall-Omm li qalbha nqasmet hekk kif żammet fi ħdanha l-Wiċċ tal-ħniena ta’ Alla

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann (19: 25-30)

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.
Wara dan, Ġesù, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!” Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall; huma xarrbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba tal-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu. Kif Ġesù ħa l-ħall, qal: “Kollox hu mitmum!” Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Mulej, Missier il-Ħniena,
hekk kif nikkontemplaw l-Ikona tal-Omm u l-Iben,
li flimkien aċċettaw li jġorru l-waħx tad-dnub,
permezz tal-Iben li jġorr il-mewt fuq ġismu,
u Ommu, li tħaddnu anke mejjet f’dirgħajha bi mħabba,
aħna nafdaw li l-ħniena ħelwa tiegħek dejjem tgħolli ’l fuq lil qlubna, kif Ibnek qam mill-imwiet.
Bħal fit-tielet jum, meta ħeles lid-dinja mill-ħakma tad-dnub,
nitolbuk li nkunu nistgħu nirċievu l-grazzja li nikkontemplaw il-glorja tiegħek, għal dejjem ta’ dejjem.
Ammen.

Mulej, inti tafni u tħobbni.

Il-Mulej jafek aktar milli taf lilek innifsek. Il-preżenza tal-Mulej tfejjaq u ssalva. Hekk kif tara d-dnub tiegħek quddiem għajnejk, itlob lill-Mulej ifejjaqlek qalbek. Ħares lejh, iftaħ widnejk għall-kliem ħelu tiegħu, intelaq fit-tgħanniqa ta’ mħabba tiegħu u qim il-preżenza ħanina tiegħu.

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill‑bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il‑mixi u l‑waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa.
Inkun għadni anqas lissint il‑kelma,
meta int, Mulej, tkun ġa tafha kollha.
Dawramejt inti tħaddanni,
u tqegħedli idek fuqi.
L‑għerf tiegħek tal‑għaġeb,
ma nwassalx għalih;
għoli wisq, ma nlaħħaqx miegħu.
Fejn immur ’il bogħod mill‑ispirtu tiegħek?
Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?
Jekk nitla’ fis‑smewwiet, hemm int;
jekk nimtedd f’qiegħ l‑art, int hemm ukoll.
Jekk nilbes il‑ġwienaħ tas‑sebħ,
u mmur ngħammar fi truf il‑baħar,
hemm ukoll tilħaqni idek,
u taqbadni l‑leminija tiegħek.
Jekk ngħid: “Ħa jaħbini d‑dlam,
ħa jkunli d‑dawl lejl madwari,”
anqas id‑dlam ma hu mudlam;
għalik il‑lejl jiddi bħan‑nhar;
id‑dlam bħad‑dawl għalik.
Għax int sawwart
il‑ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Inroddlok ħajr, għax
tal‑għaġeb għamiltni:
tal‑għaġeb huma
l‑għemejjel tiegħek.
U ’l ruħi inti tafha tajjeb. (Salm 138 (139) 1-14)

(Tista’ tfittex is-Sagrament tal-Qrar biex tirċievi assoluzzjoni jew tkompli bit-talb).

Alla li huwa ta’ ħniena bla tarf jaħfer lil dawk kollha li jindmu u jneħħilhom ħtijiethom. B’fiduċja fit-tjubija tiegħu, ejjew nitolbuh jaħfrilna d-dnubiet kollha tagħna hekk kif nistqarruhom b’qalb sinċiera.

Nistqarr ’l Alla li jista’ kollox, u lilkom, ħuti,
li jiena dnibt ħafna
bil-ħsieb, bil-kliem, bil-għemil,
u billi ħallejt dmirijieti:
ħtija tiegħi, ħtija tiegħi, bl-akbar ħtija tiegħi.
Għalhekk nitlob lill-imqaddsa Marija dejjem Verġni,
lill-Anġli u ’l-Qaddisin kollha, u lilkom, ħuti,
biex titolbu għalija lill-Mulej Alla tagħna.

Ejjew induru lejn Kristu b’fiduċja u nitolbu l‑ħniena tiegħu:

Int ġejt fid‑dinja biex tfittex u ssalva dak li ntilef.
Mulej, ħniena.

Int ġejt biex tagħtina l‑ħajja, il‑ħajja fil‑milja tagħha.
Mulej, ħniena.

Int sirt is‑sors tas‑salvazzjoni għal dawk kollha li jobduk.
Mulej, ħniena.

Darba għal dejjem inti mitt għal dnubietna, l‑innoċenti għall‑ħati.
Mulej, ħniena.

Fil‑ħniena tiegħek eħlisna mill‑passat u ħallina nibdew ħajja ġdida ta’ qdusija.
Mulej, ħniena.

Agħmilna sinjal ħaj ta’ mħabba biex inkunu ta’ xhieda għal kulħadd: nies rikonċiljati miegħek u ma’ xulxin.
Mulej, ħniena.

Kif qalilna nagħmlu Kristu nnifsu, ejjew ningħaqdu fit‑talb lill‑Missier, nitolbuh jaħfrilna bħalma aħna naħfru lill‑oħrajn.

Missierna,…

Alla li tista’ kollox u etern, int bgħatt lill-Iben il-waħdieni tiegħek biex jirrikonċilja d-dinja miegħek. Neħħi minn qlubna d-dalma oppressiva tad-dnub, sabiex inkunu nistgħu niċċelebraw bil-ferħ kif jixraq is-sebħ tal-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu Ibnek. Bi Kristu Sidna. Ammen.