Via
Crucis

Via Crucis

It‑triq tas‑salib

Fl‑Isem tal‑Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

“Kemm intom boloh u tqal biex temmnu kulma qalu l‑profeti! U ma kellux il‑Messija jbati dan kollu u hekk jidħol fil‑glorja tiegħu?” (Lq 24, 25‑26). Hekk iwieġeb Ġesù lil dawk iż‑żewġ dixxipli fit‑triq li minn Ġerusalemm twassal għal Għemmaws, wara li joqgħod jismagħhom jirrakkuntaw il‑ġrajja tiegħu stess. Huma kienu b’qalbhom maqsuma, ruħhom mitlufa u ma jafux fejn ser jaqbdu jagħtu rashom ħlief jitilqu ’l bogħod, imma Ġesù jimxi t‑triq magħhom u, permezz tal‑istess esperjenza tiegħu tas‑salib, jixħet dawl fuq it‑tbatija u d‑dlam tagħhom hekk li waslu biex għarfuh u reġgħu lura biex jaqsmu l‑ferħ tal‑qawmien ma’ ħuthom miġbura Ġerusalemm.

Permezz ta’ din it‑triq tas‑salib li sejrin nimxu matul erbatax‑il stazzjon, aħna wkoll sejrin interrqu flimkien ma’ Ġesù u akkumpanjati minnu. U f’din il‑mixja, ser jimxi wkoll magħna matul it‑toroq tal‑ħajja tagħna ta’ kuljum, l‑isqaqien tad‑dlamijiet tagħna, il‑vjali tal‑komunitajiet tagħna u tal‑Knisja, l‑imsieraħ tas‑soċjetà tagħna, biex hemmhekk ukoll jixħet id‑dawl tiegħu fuqna, idewwi l‑ġrieħi tagħna, u jdewwaqna mill‑benna ta’ mħabbtu.


Niżżel it-test kollu.


Ġesù kkundannat għall-mewt bla ħtija

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fl‑ewwel stazzjon, meta Sidna Ġesù Kristu kien ikkundannat għall‑mewt bla ħtija.

Mill‑Evanġelju skont San Ġwann (19, 13-16)
Pilatu ġieb lil Ġesù barra u qiegħdu fuq sedja għolja, fil‑post imsejjaħ Litòstrotos, bil‑Lhudi Gabbatà. Kien Jum it‑Tħejjija tal‑Għid, għall‑ħabta tas‑sitt siegħa. Pilatu qal lil‑Lhud: “Arawh is‑sultan tagħkom!” Dawk infexxew jgħajtu: “Għall‑mewt! Għall‑mewt! Sallbu!” Pilatu qalilhom: “Jien se nsallab lis‑sultan tagħkom?” Imma l‑qassisin il‑kbar weġbuh: “Aħna ma għandniex sultan ħlief lil Ċesari!” Fl‑aħħar tahulhom f’idejhom biex isallbuh.

“Le, żgur ma tmutux. Imma Alla jaf li dakinhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t‑tajjeb u l‑ħażin” (Ġen 3, 4-5). Hekk kien l‑ingann tax‑xitan bl‑ewwel bnedmin. U hekk ukoll kien l‑ingann tal‑folla mxewxa: in‑nassa tal‑kburija, li twassal lill‑bniedem biex jirribella kontra l‑istess għajn tal‑ħajja u jiċħad il‑verità biex isir hu l‑kejl. Imma din l‑istess xewqa li jinħeles tispiċċa biex tagħmlu iktar skjav. Minflok lil Ġesù bħala Sultan, huma jippreferu lil Ċesari, li kien qed jaħkem fuq Iżrael b’id tal‑ħadid.

“Jekk iżżommu fil‑kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tagħrfu l‑verità u l‑verità teħliskom” (Ġw 8, 31-32). Mulej, huma ħafna l‑ktajjen tqal li nġorru ma’ riġlejna aħna u nimxu t‑triq miegħek. Imma aħna nafu li “l‑grazzja u l‑verità seħħu permezz” tiegħek (Ġw 1, 17).

(pawsa qasira ta’ skiet)


Wara kull sentenza ta’ Kristu, inwieġbu flimkien:
R/. Mulejja, nemmen fik, kollok verità.

“Jiena hu t‑Triq, il‑Verità u l‑Ħajja. Ħadd ma jmur għand il‑Missier jekk mhux permezz tiegħi.” (Ġw 14, 6) R/.
“Jiena d‑dielja vera u Missieri l‑bidwi ... Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom ... mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn.” (Ġw 15, 1.4a.5ċ) R/.
“Jiena għarraft ismek lill‑bnedmin li inti tajtni mid‑dinja ... Qaddishom permezz tal‑verità; il‑kelma tiegħek hi l‑verità.” (Ġw 17, 6a.17) R/.
“Kif inti bgħatt lili fid‑dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid‑dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal‑verità.” (Ġw 17, 18‑19) R/.

Missierna,  Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jaċċetta s-salib bil-ħlewwa

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fit‑tieni stazzjon, meta lil Sidna Ġesù ppreżentawlu s‑Salib u Ġesù għall‑imħabba li jġibilna, aċċettah bil‑ħlewwa.

Mill‑Evanġelju skont San Luqa (9, 23-24)
Darba qal lil kulħadd: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall‑imħabba tiegħi, isalvaha.”

Ta’ spiss, il‑limiti u d‑dgħufija tagħna jifxluna; il‑ġrajja tal‑ħajja tagħna tħallina bla nifs. B’ħafna modi, niċħdu li huma parti minn min aħna u mill‑istorja tagħna, filwaqt li nħaddnu bħala veru dak li noħolmu li nkunu. Imma Ġesù jistedinna biex niċħdu dawn l‑ideat foloz tagħna nfusna u l‑istampa falza ta’ min naħsbu li suppost għandna nkunu; jistedinna nħaddnu s‑salib tar‑realtà tagħna kif inhi għax nagħrfu li hu proprju hemmhekk li huwa jiġi jiltaqa’ magħna; u jistedinna nimxu warajh mgħobbijin kif aħna, l‑istess kif għamel ma’ Pietru u sħabu f’xatt il‑baħar tal‑Galilija. 

Mulej, filwaqt li aħna nippruvaw naħarbu mill-umanità tagħna, int kellek il-kuraġġ li tkun tassew bniedem bħalna, f’kollox minbarra d-dnub. Inti doqt is-sabiħ kollu tal-ħajja, imma anke aċċettajt is-salib u l-imrar kollu tagħna. Agħtina qalb umli li tagħraf is-sbuħija u l-limiti tagħha, biex ninfetħu għall-Ispirtu tiegħek, u hekk tidher il-qawwa tiegħek fina, li tkompli l-ħidma tal-fidwa fid-dinja kollha. 

(pawsa qasira ta’ skiet)

 


Inwieġbu flimkien:
R/. Aħna nistqarru lilek imsallab.

Quddiem it‑tentazzjoni li naħarbu mill‑umanità tagħna. R/.
Quddiem il‑kburija tagħna. R/.
Quddiem il‑biża’ li nixhdu għalik quddiem il‑bnedmin. R/.
Quddiem l‑inklinazzjoni li nfittxu l‑kumdità tagħna. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba wiċċu fl-art

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fit‑tielet stazzjon, meta Sidna Ġesù kien tiela’ l‑Kalvarju u waqa’ għall‑ewwel darba għal wiċċu fl‑art taħt is‑salib.

Minn Salm 22 (22, 13‑15)
Qatgħa gniedes daru miegħi; barrin qawwija ta’ Basan għalquni, b’ħalqhom miftuħ għal fuqi, bħal iljun li jaħtaf u jgħajjat. Ninsab bħall‑ilma msawwab, għandi għadmi maqlugħ kollu; qalbi hi bħal xemgħa, iddub ġewwa fija.

Meħlub kif kien wara lejl ta’ tkasbir u s‑swat bil‑frosta, saqajh ċedew u l‑piż tas‑salib għaffġu taħtu. U mad‑daqqa ta’ rkopptu mal‑art, tidwi f’widnejh bħal donnha sajjetta l‑isfida ta’ tliet snin qabel wara erbgħin jum sajjem fid‑deżert: “Jekk inti Bin Alla, għid lil din il‑ġebla ssir ħobż” (Lq 4, 3). Dik l‑isfida tax‑xitan li taħtha tgħaffeġ il‑bniedem fil‑ġnien meta għażel li jasserixxi lilu nnifsu fuq il‑ħolqien bħala għadu ta’ Alla flok bħala sieħeb u kooperatur tiegħu. It‑tentazzjoni li tkisser in‑natura, tibdilha, timmanipulaha, tgħawwiġha skont l‑aptit, minflok tħarisha u twassalha għall‑milja u l‑fjoritura tagħha. 

Nitolbuk, Mulej, fejjaqna mill‑egoiżmu tagħna li jagħmina u ma jħallina naraw xejn għajr l‑interessi u l‑kumdità tagħna. U agħmel li nerġgħu nagħrfu mill‑ġdid il‑missjoni li fdajtilna fil‑bidu, meta għażiltna minn fost il‑ħlejjaq kollha biex nieħdu ħsieb u mmexxu l‑ħolqien f’ismek u miegħek.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għas‑Salm inwieġbu flimkien:
R/. Dur lejja fil‑kobor tal‑ħniena tiegħek.
(69, 2-4.14)
Salvani, o Alla, 
għax l‑ilma laħaq sa griżmejja.
Sibt ruħi mgħaddas f’ħama fond; 
ma hemmx fejn inserraħ riġlejja. R/.

Sibt ruħi f’ilma għoli; 
il‑mewġ qed ikaxkarni.
Ma niflaħx ngħajjat iżjed, 
griżmejja nħanqu; 
tgħammxu għajnejja, 
jien u nistenna ’l Alla tiegħi. R/.

Imma jien lilek nitlob, Mulej; 
meta jogħġbok, o Alla, weġibni, 
fil‑kobor ta’ tjubitek 
u skont il‑wegħda tas‑salvazzjoni tiegħek. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jiltaqa’ ma’ ommu Marija

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fir‑raba’ stazzjon, meta Sidna Ġesù kien tiela’ l‑Kalvarju u ltaqa’ ma’ Ommu Marija Santissima, imma l-folla firdithom minn xulxin.

Mill‑Evanġelju skont San Luqa (2, 33-35)
Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il‑waqgħa u l‑qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,—u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!—biex jinkixfu l‑ħsibijiet moħbija fil‑qlub ta’ ħafna.”

Kemm hemm ġrieħi misturin f’qalbna frott ta’ relazzjonijiet miksura, b’mod speċjali r‑relazzjonijiet l‑iktar intimi li jagħmluna min aħna u jiffurmaw l‑istorja tagħna. Ġrieħi li huma fondi għax inkisret il‑fiduċja hekk li nispiċċaw ningħalqu fina nfusna. Fit‑triq lejn is‑salib, fejn kien ser jiġi ssiġillat il‑patt il‑ġdid ta’ mħabba bejn Alla u l‑umanità midinba, anke l‑laqgħa bejn Adam il‑ġdid u Eva l‑ġdida tiġi mfixkla. Imma r‑rabta bejn dawk iż‑żewġt iqlub kienet hekk profonda li setgħet iżżomm wieqaf il‑pont tal‑imħabba fuq dak l‑abbiss.

Mulej, quddiem l‑intimità miġruħa tagħna, nitolbuk tersaq lejna flimkien ma’ Ommok u sseddaq fina l‑fiduċja fina nfusna u fl‑oħrajn.

(pawsa qasira ta’ skiet)

 


Għal kull invokazzjoni nwieġbu flimkien:
R/. Nisslu mħabbitkom fina.

Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u Qalb bla tebgħa ta’ Marija. R/.
Adam il‑ġdid u Eva l‑ġdida. R/.
Qalb ta’ Ġesù minfuda b’lanza u Qalb ta’ Marija minfuda mis‑sejf tad‑dulur. R/.
Iben u Omm li bl‑imħabba tagħkom setgħet isseħħ il‑fidwa. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 


Ġesù jiġi megħjun minn Xmun iċ-Ċirinew jerfa’ s-salib

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fil‑ħames stazzjon, meta Sidna Ġesù kien tiela’ l‑Kalvarju, u ġie mgħejjun minn Xmun iċ‑Ċirinew jerfa’ s‑salib.

Mill‑Evanġelju skont San Luqa (23, 26)
Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir‑raba’, u għabbewh bis‑salib biex iġorru wara Ġesù.

L‑aħbarijiet dwar imxijiet u mard madwar id‑dinja jnisslu fina l‑biża’. Imma qajla niftakru fil‑pesta tal‑individwaliżmu sfrenat li qiegħda toqtol il‑qlub b’ħeffa liema bħalha fi żminijietna. L‑indifferenza u l‑aljenazzjoni, l‑egoiżmu u n‑nuqqas ta’ ħin qegħdin ingħawru fina l‑ħila u d‑disponibbiltà li nkunu ta’ Ċirinej għal xulxin.

Minn fuq l‑għolja tal‑Beatitudnijiet, int għedtilna, “jekk xi ħadd iġagħlek timxi miegħu mil wieħed, mur miegħu tnejn. Agħti lil min jitolbok u ddawwarx spallejk lil min ikun irid jissellef mingħandek” (Mt 5, 41-42). Minkejja dan, qalbna saret wisq iebsa biex tinduna li hemm min jinsab mixħut mal‑ġenb tat‑triq jitkarrab il‑ħajja, u spallejna ma jridux li jitgħabbew. Mulej, agħmel li, meta tersaq lejna moħbi fil‑proxxmu li jitkarrab il‑ħniena, ħarsitna tkun attenta, dejjem lesta biex tilmħek għaddej u taqdik.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Nagħmlu tagħna din it‑talba magħrufa, billi nwieġbu:
R/. Mulej, agħmilni ħabib ma’ kulħadd.

Mulej, għinni ħalli ma mmurx ngħaddi minn fejn xi ħadd
b’ħarsa indifferenti, b’qalb magħluqa,
bil‑pass imgħaġġel. R/.

Mulej, għinni ħa nagħti każ mill‑ewwel ta’ dawk li jkunu qrib tiegħi.
Għinni nagħraf lil dawk li jkunu mħassbin u mħawdin.
Agħmel li nħoss hekk li nasal biex inserrħilhom qalbhom. R/.

Mulej, eħlisni minni nnifsi,
biex inkun nista’ nservik, biex inkun nista’ nħobbok,
biex jirnexxili nisimgħek f’kull wieħed minn ħuti
li inti tlaqqagħni miegħu. R/.

G. Volpi

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Il-Veronika tixxotta l-Wiċċ Imqaddes ta’ Ġesù

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fis‑sitt stazzjon, meta Sidna Ġesù Kristu kien tiela’ l‑Kalvarju, u ltaqa’ mal‑Veronika, li resqet ixxuttat il‑Wiċċ Imqaddes tiegħu, u Ġesù ħalla x‑xbieha tiegħu fil‑velu tagħha, għat‑tifkira tagħna.

Qari mill‑Ktieb tal‑Profeta Isaija (52, 13-15)
Araw! il‑qaddej tiegħi jsib ir‑risq, jintrefa’, jogħla u jkun ’il fuq minn kulħadd. Bħalma ħafna ndiehxu minnu—għax wiċċu tħassar, donnu ma kienx bniedem, u s‑sura tiegħu ma kontx tqisha ta’ bniedem—hekk għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih.

“Ħa nagħmlu l‑bniedem fuq is‑sura u x‑xbieha tagħna” (Ġen 1, 26). Hekk intqal għalina meta ġejna maħluqin. Imma d‑dnub ħassar din ix‑xbieha hekk li sibna ruħna sfigurata u tlifna s‑sbuħija ewlenija. Imma bil‑wiċċ sfigurat ta’ Bin il‑bniedem, imlibbes il‑kuruna tax‑xewk b’żufjett flok b’xahru midfur, ġiet imġedda x‑xbieha ta’ Alla fina fil‑ġmiel li kellha fil‑bidu u mogħnija bil‑grazzja ta’ Alla (ara KKK 1701).

Mulej, għax il‑Veronika kellha l‑kuraġġ li tersaq lejk u tmiss il‑wiċċ qaddis tiegħek, bil‑velu tagħha saret xhud tal‑isbaħ fost ulied il‑bnedmin (Salm 45, 3). Stampa mill‑ġdid il‑wiċċ kollu ħniena tiegħek f’qalbna biex hekk b’wiċċna mikxuf nirriflettu bħal f’mera s‑sebħ tiegħek (ara 2 Kor 3, 18).

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għas‑Salm inwieġbu flimkien:
R/. Wiċċek infittex, Mulej.
Salm 26 (27), 1.7‑8.9.13‑14

 

Il‑Mulej id‑dawl u s‑salvazzjoni tiegħi,
minn min għandi nibża’?
Il‑Mulej hu l‑kenn tiegħi,
quddiem min għandi nitwerwer? R/.

Isma’, Mulej, leħen l‑għajta tiegħi,
ħenn għalija u weġibni .
“Ejja” għedt f’qalbi, “fittex ’il wiċċu!”.
Jien wiċċek infittex, Mulej.         R/.

La taħbix wiċċek minni,
la twarrabx bl‑herra l‑qaddej tiegħek.
Inti l‑għajnuna tiegħi.
tħallinix u titlaqnix,
Alla tas‑salvazzjoni tiegħi.            R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jaqa’ għat-tieni darba taħt is-salib

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fis‑seba’ stazzjon, meta Sidna Ġesù kien tiela’ l‑Kalvarju, u waqa’ għat‑tieni darba, għal wiċċu fl‑art taħt is‑salib.

Mill‑Ktieb tal‑Profeta Isaija (53, 3-5)
Kien imżeblaħ u mwarrab mill‑bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l‑mard, bħal wieħed li n‑nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh. Iżda hu rafa’ fuqu l‑mard tagħna, tgħabba bin‑niket tagħna. Aħna ħsibnieh bħal wieħed ikkastigat, mitluq minn Alla u miġjub fix‑xejn. Iżda hu kien miġruħ minħabba fi dnubietna, misħuq minħabba fi ħżunitna. Għas‑saħħa tagħna waqa’ l‑kastig fuqu, u bis‑swat tiegħu sibna l‑fejqan tagħna.

L‑għeja kompliet tagħmel tagħha. Id‑demm li kompla jitlef matul it‑triq xeħtu minn tulu fl‑art taħt it‑toqol tas‑salib. U xħin jaqa’ għal wiċċu fl‑art, f’dik id‑dalma jilmaħ quddiemu d‑dehra tas‑saltniet kollha tad‑dinja li wrieh il‑qarrieq meta kien meħud mill‑Ispirtu fid‑deżert biex hemm jiġi mġarrab mix‑xitan. U dakinhar, fil‑frugħa tiegħu, it‑tentatur għamillu din il‑wegħda: “Nagħtik is‑setgħa fuq dawn kollha, bil‑glorja tagħhom ukoll għax hija ngħatat lili, u jiena nagħtiha lil min irrid. Jekk tinxteħet quddiemi tagħtini qima, kollha tiegħek tkun” (Lq 4, 6-7). Imma Hu mhux hekk ried jiksibha s‑saltna: mhux bil‑qawwa, bil‑vjolenza, bil‑manipulazzjoni u l‑kompromessi ried jieħu d‑dinja lura f’idejh, imma bl‑imħabba, bil‑qadi, bl‑għotja ta’ ħajtu sal‑aħħar. 

Mulej, int ir‑Ragħaj it‑tajjeb li tagħti ħajtek għan‑nagħaġ tiegħek. Int ma ġejtx biex tkun moqdi, imma biex taqdi u biex tagħti ħajtek b’fidwa għall‑kotra. Fejjaq ir‑regħba tagħna għall‑poter. Agħmel li s‑setgħa fuq l‑oħrajn li fdajtilna f’idejna, inħaddmuha mhux għall‑gwadann personali tagħna imma għall‑qadi tagħhom.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għal kull invokazzjoni nwieġbu: R/. Agħmilna qaddejja ta’ ħutna l‑bnedmin.

Int li għaddejt fostna tagħmel il‑ġid u tfarraġ u taħfer lil kulħadd. R/.
Int li dejjem toffri lilek innifsek lil Missier b’sagrifiċċju għall‑fidwa tagħna. R/.
Int li fl‑aħħar ikla ħsilt riġlejn id‑dixxipli tiegħek. R/.
Int li ġejt biex ikollna l‑ħajja, u ħajja bil‑kotra. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fit‑tmien stazzjon, meta Sidna Ġesù Kristu kien tiela’ l‑Kalvarju, u ltaqa’ man‑nisa ta’ Ġerusalemm, u kif bdew jitħassruh u jibkuh, Ġesù qalilhom: “La tibkux lili, ibku lilkom infuskom u ’l uliedkom”.

Mill‑Evanġelju skont San Luqa (23, 28‑31)
Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l‑ġuf li qatt ma wiled u s‑sider li qatt ma redda’!’ Imbagħad jibdew jgħidu lill‑muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill‑għoljiet, ‘Ordmuna!’ Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz‑zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”

Kemm drabi, diversi sitwazzjonijiet madwarna u l-valuri li qed jintremew bħal donnu xejn, mas-salmista aħna wkoll ikollna ntennu, “Jekk is-sisien jinqalbu, il-bniedem ġust x’jista’ jagħmel?” (Salm 11, 3). Il-proċess mgħaġġel fejn id-dinja donnha qiegħda tinsa lil Alla għax taħseb li ssib soluzzjoni għal kull problema bil-ħidma u t-talenti tal-bniedem biss, donnu jipprova jħassar kull marka ta’ Kristu u tat-tagħlim tiegħu. U bħal dawk in-nisa għandna tassew għalxiex nibku: mhux sempliċiment għax qed tintilef id-dinja li trabbejna fiha u li tant għożżejna, imma għax, mal-valuri li jisfaxxaw, jintilef ukoll il-valur u r-rispett lejn il-bniedem.

Mulej, aħna nafu li inti ġust u tħobb il‑ġustizzja; u wiċċek iddawwar lejn min hu sewwa (Salm 11, 7). Agħtina l‑qawwa biex ma ninħakmux mill‑ispirtu tad‑dinja, imma nibqgħu sodi fit‑tħaddin tal‑valuri tal‑Evanġelju mqaddes tiegħek, ukoll meta nsibu ruħna waħedna naqdfu kontra l‑kurrent.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għas‑Salm inwieġbu flimkien:
R/. Inti s‑sehem ta’ wirti u ta’ xortija.
(Salm 15, 1-2. 5. 7-8. 10-11)

Ħarisni, o Alla, għax fik jien nistkenn .
Jien għedt lill‑Mulej: “Int Sidi,
m’għandix ġid ieħor ħliefek.”
Mulej, inti s‑sehem tal‑wirt u r‑risq tiegħi, inti żżomm f’idejk xortija. R/.

Imbierek lill‑Mulej li tani l‑fehma;
imqar billejl qalbi tgħallimni.
Inżomm il‑Mulej dejjem quddiemi,
għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek. R/.

Għax int ma titlaqnix fl‑imwiet,
ma tħallix il‑maħbub tiegħek jara l‑qabar. 
Int tgħallimni t‑triq tal‑ħajja;
hemm il‑milja tal‑ferħ quddiemek,
hemm l‑għaxqa għal
dejjem f’lemintek. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jaqa’ għat-tielet darba taħt is-salib

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fid‑disa’ stazzjon, meta Sidna Ġesù kien tiela l‑Kalvarju, u waqa’ għat‑tielet darba, għal wiċċu fl‑art taħt is‑salib. 

Mill‑Ktieb tal‑Profeta Ġeremija (20, 7-9)
Qarraqtni, Mulej, u jien tqarraqt: kont aqwa minni, u għelibtni. Jien sirt id‑daħka ta’ kuljum, kulħadd jiddieħak bija. Kull meta niġi biex nitkellem, jien ngħajjat, u nxandar, ‘Moħqrija u ħsara!’ Il‑kelma tal‑Mulej saret għalija tagħjir u tmaqdir kuljum. U jien għedt: ‘Ma nsemmihx aktar, ma nitkellimx aktar f’ismu.’ Iżda f’qalbi hemm bħal nar jaqbad, magħluq f’għadmi. Għejejt inżommu magħluq ġo fija, ma niflaħx aktar għalih.

Jerġa’ jaqa’ għat‑tielet darba. Imma, bħad‑darbtejn l‑oħra, jeħtieġ li jerġa’ jqum għax it‑tmiem kien għadu ma wasalx. U xħin jgħolli ħarstu mill‑art, minkejja l‑folla miġbura madwaru, għajnejh imorru lil hinn u, għal ftit sekondi, jiffissa ħarstu fuq il‑quċċata tal‑Qaddis tal‑Qaddisin fil‑qalba tat‑tempju—l‑istess quċċata li ħadu fuqha x‑xitan meta kien qed iġarrbu fid‑deżert, filwaqt li fesfislu f’widnejh: “Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel”. (Lq 4, 9)

Mulej, it‑tentatur riedek tuża dak il‑post qaddis biex tikseb il‑popolarità u hekk kulħadd jemmen fik malajr. Imma inti ma ridtx għax tirrispetta l‑libertà ta’ kull bniedem. Agħmel li, bħalek, il‑glorja tagħna ma nfittxuhiex mill‑bnedmin imma minn Alla waħdu, li jara dak li hu fil‑moħbi.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għas‑Salm inwieġbu flimkien: R/. L‑anġli tiegħu jibgħatlek, biex iħarsuk.
(Salm 91, 1-4. 10-11)

Int li tgħix għall‑kenn tal‑Għoli, 
li tgħammar għad‑dell
ta’ dak li jista’ kollox,
għid lill‑Mulej: 
“Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, 
Alla tiegħi, jien fik nittama.” R/.

Għax hu jeħilsek mix‑xibka tan‑nassab, 
u mill‑mard tal‑mewt. 
Bir‑rix tiegħu jgħattik, 
u taħt ġwenħajh tistkenn. R/.

Ebda deni ma jiġrilek, 
ebda ħsara ma tersaq lejn darek. 
Għax l‑anġli tiegħu hu jibgħatlek, 
u jħarsuk fi triqatek kollha. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.

 


Ġesù mneżża minn ħwejgu

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fl‑għaxar stazzjon, meta Sidna Ġesù wasal fuq il‑Kalvarju, u neżżgħuh il‑libsa, li kienet imwaħħla mal‑pjagi tal‑ġisem imqaddes tiegħu.

Mill‑Evanġelju skont San Ġwann (19, 23-24)
Wara li sallbu lil Ġesù, is‑suldati ħadu l‑ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom. U ħadu wkoll it‑tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel. Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x‑xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.” Dan ġara biex isseħħ l‑Iskrittura li tgħid, ‘Ħwejġi qasmu bejniethom u għall‑ilbies tiegħi tefgħu x‑xorti.’ U dan tabilħaqq għamluh is‑suldati.

F’dik it‑tunika minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel, Missirijiet il‑Knisja għarfu xbieha tal‑Knisja fis‑sħuħija u l‑għaqda tagħha. Imma lkoll nafu kemm ġiet imċarrta matul is‑sekli l‑Knisja bil‑ħafna firdiet li seħħew fiha. U l‑ġest tat‑tneżżigħ ma jistax ma jfakkarniex ukoll f’dawk li ġew imneżża’ mid‑dinjità tagħhom anke fi ħdan il‑Knisja u minn membri tal‑Knisja. Fakkarna, Mulej, fil‑libsa tiegħek li libbsitna l‑magħmudija (ara Gal 3, 27). Saffiha mit‑tbajja’ tal‑ħtija u bajjadha mill‑ġdid fid‑demm tiegħek. U, fl‑istess waqt, neżżagħna mill‑frugħa biex hekk nissieħbu mill‑qrib miegħek f’ħutna umiljati, u hekk, umli bħalek, inkunu xhieda tad‑dinjità vera u essenzjali tal‑bniedem—dinjità li titlob li tiġi mħarsa dejjem, bla ebda eċċezzjoni jew imma. 

(pawsa qasira ta’ skiet)


“M’hemmx paċi mingħajr ġustizzja”. Hekk fakkarna l‑Papa San Ġwanni Pawlu II fil‑messaġġ tiegħu għal Jum il‑Paċi tal‑2002, ftit jiem qabel vjaġġ lejn Assisi biex jitlob għall‑paċi fid‑dinja flimkien mal‑mexxejja tar‑reliġjonijiet. B’dan f’moħħna, wara kull invokazzjoni inwieġbu flimkien:
R/. Mulej, agħmilni strument tal‑paċi tiegħek.

Fejn hemm il‑mibegħda, ħallini nħeġġeġ l‑imħabba. R/.
Fejn hemm il‑ħtija, ħallini nferrex il‑maħfra. R/.
Fejn hemm id‑dubju, ħallini ndaħħal il‑fidi. R/.
Fejn hemm il‑qtigħ il‑qalb, ħallini nqawwi t‑tama. R/.
Fejn hemm id‑dlam, ħallini inkebbes id‑dawl. R/.
Fejn hemm in‑niket, ħallini nxerred il‑ferħ. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù jimtedd fuq is-salib u jsammruh bl-imsiemer

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fil‑ħdax‑il stazzjon, meta lil Sidna Ġesù ikkmandawh jimtedd fuq is‑salib, u Ġesù obda, sakemm sammruh bl‑imsiemer għal dnubietna.

Mill‑Evanġelju skont San Luqa (23, 33-34)
Meta waslu fil‑post jgħidulu l‑Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill‑ħatja, wieħed fuq il‑lemin tiegħu u l‑ieħor fuq ix‑xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu.”

Fl‑istess messaġġ għal Jum il‑Paċi tal‑2002, San Ġwanni Pawlu II jtenni: “M’hemmx paċi mingħajr ġustizzja, m’hemmx ġustizzja mingħajr maħfra”. Il‑qlub maqsuma jeħtieġu l‑fejqan. Imma mhumiex il‑vendetta, it‑tpattija, l‑imrar, il‑firda u l‑mibegħda, imma l‑maħfra li ġġib il‑fejqan. Il‑maħfra għandha l‑ħila li tibdel it‑tbatija u l‑inġustizzja f’għajn ta’ salvazzjoni, kemm għalina personali u kif ukoll għal dawk li jagħmlulna l‑ħsara.

Mulej, aħna nsibuha iebsa biex naħfru. Tmur kontra l‑istint tagħna. Tmur kontra l‑loġika tad‑dinja. Iżda int għallimtna nitolbu: “Aħfrilna dnubietna, bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6, 12). U nafu li m’hemmx triq oħra li twassal għall‑fejqan veru ħlief il‑maħfra. Għalhekk, nitolbuk, lil dawk li għamlulna l‑ħsara, ħobbhom inti permezz tagħna għax bil‑qawwa tagħna biss ma naslux. 

(pawsa qasira ta’ skiet)

 


Bix‑xewqa li nkunu perfetti bħalma hu perfett Missierna li hu fis‑smewwiet (Mt 5, 48), inressqulu quddiemu lil dawk li jeħtieġu l‑maħfra tagħna u, b’sinċerità, ngħidu flimkien:
R/. Naħfrulhom, bħalma ħfirtilna int, Mulej.

Lill‑għedewwa tagħna. R/.
Lil dawk li jippersegwitawna. R/.
Lil dawk li umiljawna. R/.
Lil dawk li serquna jew qarrqu bina. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Jgħolluh mislub u wara tliet sigħat ta’ agunija, imut

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fit‑tnax‑il stazzjon, meta lil Sidna Ġesù għollewh mislub bejn żewġ ħallelin, u wara tliet sigħat ta’ agunija, Ġesù miet fuq is‑salib.

Mill‑Evanġelju skont San Mark (15, 34-37)
Fid‑disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Eloî, Eloî, lema sabaqtani!”, li jfisser: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?” Xi wħud minn dawk li kienu hemm, kif semgħuh, qalu: “Ara, qiegħed isejjaħ lil Elija!” U mar wieħed jiġri jxappap sponża bl‑inbid qares, waħħalha f’tarf ta’ qasba u tah jixrob filwaqt li qal: “Stennew, ħa naraw jiġix Elija jniżżlu!” Imma Ġesù għajjat għajta kbira u radd ruħu.

Is‑skiet ta’ Alla quddiem it‑tbatija huwa ta’ skandlu għal ħafna, hekk li jaslu biex jiċħdu l‑fidi. Filwaqt li lilna li nemmnu tpoġġilna l‑fidi fil‑limitu tagħha. Imma f’dak l‑abbiss tas‑skiet hemm moħbija u, fl‑istess waqt, murija l‑imħabba infinita ta’ Alla: Alla li jieħu fuqu l‑ħażin kollu tal‑umanità u jsofrih ġewwa fih biex aħna ma mmutux imma jkollna l‑ħajja. Mad‑dnub, jieħu wkoll fuqu l‑weġgħat kollha tagħna, il‑qsim kollu ta’ qalbna; u jagħmel tiegħu l‑karbiet kollha tagħna f’dik il‑karba li ttarrax.

Mulej, minkejja li nkunu nixtiequ, aħna ħafna drabi ma nistgħux insolvu l‑problemi u nfejqu l‑ġerħat kollha. Għalhekk, fakkarna kontinwament li aħna m’aħniex imsejħin biex insalvaw id‑dinja imma biex nibqgħu hemm, maġenb it‑tbatija, bla ma naħarbu. Agħtina qalb miftuħa, lesta biex tfarraġ u titgħabba bil‑piż ta’ ħaddieħor, u fl‑istess waqt tgħolli bla waqfien leħinha lejn is‑sema.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għal dawn l‑invokazzjonijiet mil‑Litanija tad‑Demm l‑aktar Prezzjuż ta’ Ġesù, inwieġbu: R/. Salvana.

Demm ta’ Kristu,
imxerred mis‑Salib. R/.
Demm ta’ Kristu,
prezz is‑salvazzjoni tagħna. R/.
Demm ta’ Kristu,
li mingħajrek m’hemmx fidwa. R/.
Demm ta’ Kristu,
qawwa tal‑imġarrbin. R/.
Demm ta’ Kristu,
faraġ tal‑imnikkta. R/.
Demm ta’ Kristu,
paċi u ħlewwa tal‑qlub. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ġesù fi ħdan ommu Marija

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fit‑tlettax‑il stazzjon, meta lil Sidna Ġesù niżżluh mis‑salib, u qegħduh fil‑ħdan ta’ Ommu Marija Santissima Addolorata.

Mill‑Evanġelju skont San Ġwann (19, 25-27)

Kien hemm wieqfa ħdejn is‑salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.  Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid‑dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid‑dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il‑ħin id‑dixxiplu ħadha għandu.

Ix‑xena ta’ Ġesù mqiegħed fi ħdan Ommu, minkejja li hija waħda ta’ niket, tnissel fina l‑istess sentiment ta’ meta wieħed iħossu fiż‑żgur għall‑kenn ta’ daru, imdawwar bl‑imħabba ta’ dawk għeżież għalih. Il‑ħdan matern ta’ Marija jfakkarna li l‑familja hija l‑post fejn il‑ġerħat jiġu kkurati u mfejqa. Imma xi minn daqqiet jiġri li l‑familja stess issib ruħha feruta, jew tkun il‑familja stess li tfieri. 

Hemm mixħut f’ħoġor Ommok, bħal donnok lura ġewwa ħdanha mill‑ġdid, inressqulek il‑familji kollha tagħna, b’mod speċjali l‑familji miġruħa. Ħu ħsieb il‑membri kollha tagħhom, u agħmel li fina jsibu familja li lesta tilqagħhom u timxi magħhom. 

(pawsa qasira ta’ skiet)

 


Inpoġġu quddiem il‑Mulej il‑familji kollha tad‑dinja, u nitolbuh flimkien: R/. Ieqaf, Mulej, mal‑familji tagħna.

Fit‑taħbit tal‑ħajja ta’ kuljum. R/.
Fis‑sigħat ta’ kriżi
u ta’ qtigħ il‑qalb. R/.
Fejn hemm il‑vjolenza
u l‑infedeltà. R/.
Fil‑mumenti wkoll ta’ ferħ
u ġid. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.


Ħaduh minn ħdan ommu u difnuh f’qabar ġdid

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.

Nikkunsidraw, fl‑erbatax‑il stazzjon, meta lil Sidna Ġesù ħaduh mill‑ħdan ta’ Ommu Marija Santissima, u difnuh f’qabar ġdid.

Mill‑Evanġelju skont San Mattew (27, 59-61)

Ġużeppi ħa l‑ġisem u keffnu f ’liżar nadif, qiegħdu fil‑qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil‑blat, gerbeb ġebla kbira fid‑daħla tal‑qabar, u telaq. Iżda Marija ta’ Magdala u Marija l‑oħra baqgħu hemm bilqiegħda biswit il‑qabar

Minkejja d‑dalma u s‑skiet tal‑qabar, l‑umanità tistenna bla ma taf eżatt għalfejn. F’dak is‑skiet hemm diġà miżrugħ il‑qawmien u l‑ferħ tal‑Għid. Għalhekk, filwaqt li għadna ngħammru f’Sibt il‑Għid tal‑ġrajja tad‑dinja, f’dan iż‑żmien bejn il‑qawmien tal‑Mulej u l‑qawmien tagħna, l‑istennija tagħna ma tistax tkun vojta u għażżiena. Jeħtieġ li nishru; għax il‑ħajja mhijiex stennija għalxejn, imma stennija kontinwa għal Kristu li ġej.

Mulej, filwaqt li b’qalb ħerqana nistennew iċ‑ċelebrazzjoni tal‑qawmien imqaddes tiegħek, ifforma l‑qalb tagħna f’dik ta’ qaddejja li jishru bla heda. Ħeġġeġ fina x‑xewqa għalik; u ħeġġiġna wkoll biex inħabirku ħalli nkebbsu bl‑istess imħabba tiegħek lill‑bnedmin kollha li magħhom niltaqgħu. U dan nagħmluh għax konvinti li huwa biss fil‑laqgħa miegħek li, dak kollu li hu mewt fil‑bniedem, jinbidel f’ħajja.

(pawsa qasira ta’ skiet)


Għas‑Salm inwieġbu flimkien:
R/. Għand il‑Mulej hemm it‑tjieba.
(Salm 129, 1-2. 5-8)

Minn qiegħ l‑art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il‑leħen tiegħi!
Ħa jkunu widnejk miftuħa ,
jiena u nitolbok bil‑ħniena. R/.

Jien lill‑Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l‑għassiesa s‑sebħ.  R/.

Aktar milli l‑għassiesa s‑sebħ,
jistenna Iżrael lill‑Mulej!
Għax għand il‑Mulej hemm it‑tjieba,
u l‑fidwa għandu bil‑kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

V/. Imbierka l‑passjoni u l‑mewt ta’ Sidna Ġesù.
R/. Mulejja, ħenn għalina u l‑maħfra ta’ dnubietna agħtina.

Skont l‑Intenzjoni tal‑Papa: Missierna, Sliema, Glorja


Salve Regina lil Marija Addolorata


Konklużjoni

“Ibqa’ magħna, Mulej” (Lq 24, 29). Hekk talbuk dawk iż‑żewġ dixxipli meta qrobtu sewwa lejn Għemmaws u l‑jum kien wasal fi tmiemu. Meta ntebħu li kont int u għarfuk fil‑qsim tal‑ħobż, inti għebt minn quddiemhom. Minkejja dan, huma għarfu li ma kienu ser ikunu qatt iktar waħedhom, mitluqin għal riħhom. U lanqas setgħu jżommu għalihom biss il‑ferħ ta’ dak il‑mument.

Fi tmiem din il‑mixja, aħna wkoll, Mulej, nitolbuk tibqa’ magħna. Nitolbuk tmexxi l‑passi tagħna fil‑mixi warajk. Nitolbuk tmexxi ’l riġlejna ħalli bla biża’ nersqu lejn ħutna u naqsmu magħhom l‑faraġ tal‑preżenza tiegħek. U agħmel mill‑komunitajiet tagħna ċenakli ħajja fejn fihom u minnhom tidwi l‑bxara t‑tajba tal‑mewt u l‑qawmien tiegħek. Ammen.