Via
Matris

Via Matris

Il‑mixja mal‑omm

Fl‑Isem tal‑Missier u tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

“Marija, min‑naħa tagħha, baqgħet tgħożż f’qalbha dawn il‑ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2, 19). Fl‑Evanġelji, Marija hija ppreżentata lilna bħala l‑ħarriesa tal‑memorja ta’ Alla magħmul bniedem. Marija hija dik li tħares lejn il‑misteru ta’ Kristu bil‑ħarsa ta’ omm: bil‑ħarsa ta’ dik li fiha titnissel il‑ħajja, mhux biex iżżommha għaliha bħallikieku xi proprjetà esklussiva tagħha, imma biex twellidha u tagħtiha lid‑dinja, biex twassalha ħalli tikber, timmatura, tkun hi u tilħaq il‑milja tagħha biex minnha niksbu l‑ħajja u l‑ħajja bil‑kotra.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Għalhekk, flimkien ma’ din l‑Omm għażiża ser nagħmlu mixja li matulha ser inħarsu lejn il‑misteru ta’ Kristu mill‑għajnejn tagħha. U filwaqt li magħha nterrqu matul it‑tifkiriet għeżież u ħajja ta’ ħajjet Kristu, ejjew ukoll inħalluha tħares lejn il‑ħajja tagħna bl‑istess ħarsa ta ’ Omm. Inħalluha tinfed il‑ħitan għoljin li nibnu madwarna biex nipproteġu ruħna. Inħalluha tinfed għax nafu li nistgħu nafdawha. Nafu li hi ma tridx tkisser imma tnaddaf u tħejji biex l‑Ispirtu ta’ Alla jibni. Nafu li hi ma tiġix għandna biex tidrob imma biex iddewwina: iddewwi l‑memorja tagħna, tnaddaf il‑feriti tal‑passat bil‑melħ tal‑ħniena ta’ Alla li, iva, ser jaħraqna u jdarrasna għax jikxef il‑feriti li tgħallimna naħbu tajjeb biex ninsewhom, imma feriti li, fl‑istess ħin, huma mdennija u baqgħu jnixxu. Il‑ħniena ta’ Alla li tikxef il‑feriti tagħna biex tfejjaqhom u troddilna l‑ħelsien veru.

Għalhekk, ejjew ma’ Marija nimxu din il‑mixja li tlaqqagħna mas‑seba’ duluri tagħha sabiex, bħalma dawk is‑sjuf li nifdu ’l ruħha saru għajn ta’ salvazzjoni għad‑dinja kollha, hekk ukoll aħna ngħaqqdu t‑tbatijiet tagħna ma’ dawk ta’ Binha Ġesù u tagħha wieqfa taħt is‑Salib biex hekk titkompla fina l‑fidwa tad‑dinja u niksbu l‑qawwa li nixhdu għal dik il‑ħajja li ħarġet mill‑mewt biex tiksbilna l‑ħajja mill‑ġdid.


Niżżel it-test kollu.


Il‑Profezija ta’ Xmun fil‑preżentazzjoni ta’ Ġesù

Qari mill‑Evanġelju skont San Luqa (2, 25. 27‑35)

F’Ġerusalemm kien hemm wieħed, jismu Xmun, raġel ġust u tajjeb, ... Mar mela fit‑tempju, mqanqal mill‑Ispirtu, u xħin il‑ġenituri daħlu bit‑tarbija Ġesù biex jagħmlulu dak li kienet trid il‑Liġi, huwa laqgħu fuq dirgħajh, bierek lil Alla u qal: “Issa, o Sid, tista’ tħalli l‑qaddej tiegħek imur fis‑sliem, skont kelmtek, għaliex għajnejja raw is‑salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall‑popli kollha, dawl biex idawwal il‑ġnus, u glorja tal‑poplu tiegħek Iżrael.” Missieru u ommu baqgħu mistagħġba b’dak li kien qiegħed jingħad fuqu. Xmun berikhom, u qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il‑waqgħa u l‑qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh,—u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek!—biex jinkixfu l‑ħsibijiet moħbija fil‑qlub ta’ ħafna.”

(pawsa qasira ta’ skiet)

Għal Marija u Ġużeppi dik l‑għodwa kienet waħda speċjali. Minkejja l‑kumplikazzjonijiet kollha u t‑taqtigħ ta’ qalb sakemm twieled Ġesù, qalbhom kienet mimlija bil‑ferħ tal‑miġja ta’ dik it‑tarbija fil‑ħajja tagħhom. Għalkemm forsi kienu għadhom ma jistgħux jifhmu eżatt kif, b’xi mod kienu jafu li dan il‑ferħ tagħhom ma kienx għalihom biss, imma għad‑dinja kollha. Dan kienu diġà esperjenzawh meta r‑rgħajja invadew f’nofs ta’ lejl il‑post fejn twieled Ġesù. Semgħuhom ir‑rakkonti tagħhom dwar l‑anġlu li dehrilhom u qalilhom, “Tibżgħux”, u l‑għadd kbir ta’ qtajja’ tas‑sema li ssieħbu miegħu biex ifaħħru lil Alla.

Il‑ferħ ta’ Xmun fit‑tempju xħin ħa t‑tarbija f’idejh kompliet tikkonfermalhom dan. Imma żgur li, meta reġgħu lura lejn il‑Galilija fil‑belt tagħhom ta’ Nazaret, dik it‑tifkira sabiħa fil‑memorja ta’ Marija baqgħet immarkata bit‑tħabbira li għamlilha dak ix‑xwejjaħ u bil‑mistoqsijiet u d‑dieqa li din ġabet magħha.

Marija, fil‑ħajja, kull ferħ ikollu marka ta’ niket, u kull niket ikollu xrara ta’ ferħ. Għalhekk, noffrulek it‑tifkiriet kollha tagħna. Agħmel li jkunu għalina mhux biss maħżen ta’ memorji, imma wkoll riżorsa u għajn ta’ tiġdid fil‑preżent. Fil‑mumenti ta’ tiġrib, meta bħal donnu ma jkun jidher l‑ebda dawl, agħmel li t‑tifkiriet sbieħ ikunu għalina rahan tal‑hena bla tmiem u wegħda li d‑dlam m’għandux l‑aħħar kelma. U fil‑mumenti ta’ hena, agħmel li qalbna ssir iktar miftuħa għall-hena dejjiema li joffrilna Ibnek bil-mewt u l-qawmien tiegħu.


Għal kull invokazzjoni nwieġbu:
R/. Fakkarna fil‑fedeltà ta’ Alla, Marija.

Meta bħal donna ma nkunux nistgħu nieħdu r‑ruħ. R/.
Fil‑mumenti li fihom il‑ħelu u l‑morr tal‑ħajja jitħalltu. R/.
Meta l‑qtigħ il‑qalb inessina li huwa possibbli li jkollna l‑ferħ. R/.
Meta nkunu aljenati, għaddejjin minn ħaġa għal oħra. R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Marija, Ġużeppi u t‑tarbija Ġesù jaħarbu lejn l‑Eġittu

Qari mill‑Evanġelju skont San Mattew
(2, 13-15)

Meta telqu l‑Maġi, deher anġlu tal‑Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: “Qum, ħu miegħek lit‑tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l‑Eġittu. Ibqa’ hemm sa ma ngħidlek jien, għax Erodi se jfittex lit‑tifel biex joqtlu.” Ġużeppi qam, ħa miegħu lit‑tifel u ’l ommu billejl u telaq lejn l‑Eġittu, u baqa’ hemmhekk sal‑mewt ta’ Erodi, biex hekk iseħħ dak li kien qal il‑Mulej permezz tal‑profeta, meta qal, ‘Mill‑Eġittu sejjaħt lil ibni.’

(pawsa qasira ta’ skiet)

Bħall‑Familja Mqaddsa, kemm nies jgħixu maħruba madwar id‑dinja minħabba gwerer u konflitti; ’il bogħod minn darhom minħabba għaks u diżastri naturali. Kemm nies jisfaw imkeċċija u mhux milqugħa. Kemm tifkiriet koroh li wieħed ikun jixtieq jinsa u ma jkunx jista’, imma wkoll tifkiriet ta’ nies li jkunu ħallew warajhom jew intilfu fit‑triq. Kemm vjaġġi twal u riskjużi, imma wkoll kemm ħarbiet li jispiċċaw ħażin u tamiet diżappuntati.

Marija, fejjaq il‑memorja ta’ min jgħix maħrub u wkoll ta’ dawk li jilqgħu lill‑maħrubin. Fejjaq il‑mod ta’ kif inħarsu lejn il‑maħrub, biex nibdew inħarsu lejh mhux iktar bħala għadu imma bħala bniedem, xbieha ta’ Alla, bil‑jedd bħalna li jgħix. Agħmel li l‑imħabba tagħna tfejjaq il‑ġerħat tat‑traġedja umana u tas‑solitudni, imma wkoll turihom xi ħaġa mill‑imħabba inkundizzjonata tal‑Missier li dejjem jilqa’ b’idejh miftuħa u jħaddan ’l uliedu kollha.


Għal kull invokazzjoni nwieġbu:
R/. Itlob għalina.

Marija, faraġ tal‑eżiljati. R/.
Marija, kenn tal‑maħrubin. R/.
Marija, gwida fil‑vjaġġ. R/.
Marija, Omm it‑Triq. R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Marija titlef lil Binha Ġesù u, wara tlett ijiem ta’ dulur, issibu fit‑Tempju

Qari mill‑Evanġelju skont San Luqa (2, 46-52)

Wara tlitt ijiem sabuh fit‑tempju, bilqiegħda f’nofs l‑għalliema, jismagħhom u jistaqsihom; u kull min semgħu baqa’ mistagħġeb bid‑dehen u t‑tweġibiet tiegħu. Kif rawh, nstamtu, u ommu qaltlu: “Ibni, dan għaliex għamiltilna hekk? Ara, missierek u jiena konna qegħdin infittxuk b’qalbna maqsuma!” U hu qalilhom: “U għaliex kontu qegħdin tfittxuni? Ma tafux li jiena għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” Iżda kliemu ma fehmuhx.

(pawsa qasira ta’ skiet)

L-adolexxenza: dak l‑istadju fil‑ħajja tal‑bniedem li fih jibda jiskopri qawwiet ġodda, emozzjonijiet ġodda, filwaqt li ftit ftit jibda jiskopri u jifhem iktar min hu u x’inhu postu fid‑dinja, x’inhi l‑missjoni tiegħu fil‑ħajja. Kemm avventuri jkunu marbutin maż‑żmien tal‑adolexxenza. Imma wkoll kemm uġigħ u taqtigħ, bħal donnu dak tal‑farfett li jissara biex joħroġ mill‑fosdqa u fl‑aħħar ikun jista’ jtir. Però xi minn daqqiet, f’dan il‑proċess, nisfaw ukoll feruti, b’mod speċjali minn vuċijiet u kliem li ntqal lilna u li jidwu ġewwa fina hekk li jkissruna u jżommuna lura; vuċijiet antiki li, għax ma fehmux min aħna, għax ma għarfux biżżejjed l‑individwalità tagħna bħala persuni, b’mod konxju jew bla ħsieb ta’ xejn, għamlulna u għadhom jagħmlulna l‑ħsara.

Marija, inti wkoll kellek tgħaddi minn din it‑taqtigħa biex tagħti l‑wisa’ lil Ibnek li jkun dak li hu. Ġarrabt l‑ansjetà li din iġġib magħha b’mod speċjali quddiem għażliet li ma nifhmuhomx. Għalik u għal Ġużeppi, it‑telfa fit‑tempju, imma wkoll il‑ħajja moħbija kollha ta’ Nażaret kienet mistoqsija u misteru li kontinwament joħroġ mill‑kontroll tagħkom biex tikber f’dak li hu tassew l‑Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Nitolbuk: ħabbibna ma’ dawk il‑vuċijiet jidwu ġewwa fina li jkissruna. Agħmel li fost il‑kakofanija ta’ lħna, nisimgħu l‑leħen għażiż tal‑Missier isejħilna b’isimna waqt li l‑ħin kollu jtennilna, “Kun, eżisti”. U miegħu, nitolbuk ukoll tħares u tipproteġi l‑misteru ta’ min aħna biex jasal għall‑milja tiegħu.


Għal kull talba nwieġbu:
R/. Ħarishom int, Marija.

Inpoġġulek quddiemek it‑tfal, l‑aktar dawk li huma mitluqin għal riħhom. R/.
Inpoġġulek quddiemek l‑adolexxenti, b’mod speċjali dawk li qed iħossuhom mitlufin. R/.
Inpoġġulek quddiemek iż‑żgħażagħ, huma u jieħdu f’idejhom ir‑responsabbiltà ta’ ħajjithom. R/.
Inpoġġulek quddiemek dawk li qed ibatu l‑konsegwenzi tal‑għażliet ħżiena tagħhom. R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Meta hija tiltaqa’ ma’ Binha Ġesù jġorr is‑Salib fit‑triq tal‑Kalvarju

Qari mill‑Evanġelju skont San Luqa (23, 26-31)

Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir‑raba’, u għabbewh bis‑salib biex iġorru wara Ġesù. Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. Imma Ġesù dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalemm, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom. Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Hienja dik li ma għandhiex tfal, hieni l‑ġuf li qatt ma wiled u s‑sider li qatt ma redda’!” Imbagħad jibdew jgħidu lill‑muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill‑għoljiet, ‘Ordmuna!’ Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz‑zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef ? ”

(pawsa qasira ta’ skiet)

Minkejja l‑privileġġ kbir li mess lil Xmun iċ‑Ċirinew li jerfa’ mqar għal ftit ħin is‑salib li minnu ksibna l‑fidwa, għalih dak kien mument ta’ umiljazzjoni: ġie obbligat jerfa’ s‑salib ta’ wieħed ikkundannat għall‑mewt, b’mewta li għal‑Lhud kienet meqjusa bħala saħta. Xmun jisfa umiljat bil‑madmad tal‑jasar tal‑ħakma barranija. U dawk in‑nisa wkoll ifakkruna fil‑poplu li jkollu jġarrab dan kollu u bħal donnu mitluf u ma jista’ jagħmel xejn.

Marija, imla bl‑imħabba tiegħek il‑ħofor li jħallu fina l‑umiljazzjonijiet: l‑umiljazzjoni li nġarrbu meta ħaddieħor iwaqqagħna għaż‑żufjett, meta jisfurzana naġixxu kontra r‑rieda tagħna jew ikollna noqogħdu għal affarijiet li ma rriduhomx; l‑umiljazzjoni tat‑telfa u tal‑falliment, ta’ meta ma nirnexxux jew naqgħu għaċ‑ċajt; l‑umiljazzjoni li tfieri mhux biss il‑kburija tagħna, imma wkoll bħal donnha tipprova tneżżagħna mid‑dinjità tagħna, hekk li nkunu nixtiequ ninħbew. Tħalliniex fil‑ġenb tat‑triq nibku mitlufin. Agħmel li d‑dmugħ tagħna ma jkunx biss ta’ mistħija imma wkoll ta’ maħfra u fejqan.


Għal kull talba nwieġbu:
R/. Imxi magħna int, Marija.

Meta t‑triq tal‑ħajja nsibuha wisq iebsa. R/.
Meta niġu mwaqqgħin għaċ‑ċajt minħabba l‑fidi tagħna f’Ibnek. R/.
Meta nġarrbu l‑falliment u l‑waqgħa. R/.
Meta nħossuna telliefa quddiem id‑dinja. R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Marija tara lil Binha Ġesù jiġi msallab mas‑Salib
u wara tliet sigħat ta’ Agunijia jmut

Qari mill‑Evanġelju skont San Ġwann (19, 25-27)

Kien hemm wieqfa ħdejn is‑salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid‑dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid‑dixxiplu: “Hawn hi ommok.” U minn dak il‑ħin id‑dixxiplu ħadha għandu.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Minkejja l‑preżenza kollha faraġ tal‑Omm għażiża u tal‑ħbieb, fuq il‑Golgota tidher fl‑aqwa tagħha kemm kienet ikkumplikata r‑rabta ta’ Ġesù mal‑poplu tiegħu. Is‑suldati kienu hemm jirrappreżentaw it‑tirannija tal‑ħakkiem li lest li jeqred u joqtol basta l‑awtorità tiegħu ma tiġix mhedda. Il‑mexxejja tal‑poplu jibqgħu sal‑aħħar ma jilqgħuhx bħala l‑mibgħut ta’ Alla, kemm għax ma qabilx mal‑idea tagħhom ta’ kif kellu jkun il‑Messija, u kif ukoll għax l‑imġiba u t‑tagħlim tiegħu kienu qed jiskomodawhom. U maġenbu, wieħed mill‑ħatja li, fid‑disperazzjoni tiegħu quddiem dak li għamel minn ħajtu, jibqa’ sal‑aħħar ma jaċċettax ir‑responsabbiltà tiegħu u jipprova jitfagħha fuq ħaddieħor.

Kultant anke r‑rabta tagħna mal‑poplu ta’ Alla, li hu l‑Knisja, tkun waħda kkumplikata. Kemm weġgħat antiki li għal raġuni jew oħra donnhom ma jistgħu jfiequ b’xejn. Kemm weġgħat ikkawżati minn konflitti u skandli llum.

Marija, saffi l-mod ta’ kif inħarsu lejn il-Knisja. Il-Knisja mhix biss l-istituzzjoni li naraw u l-persuni li jirrppreżentawha. Hija wkoll kif jaraha Ibnek: l-għarusa tiegħu, l-umanità li hu jixtieq isalva u li fi mħabbtu lejha jaraha dejjem “sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb, u b’xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (Efes 5, 27)—anke jekk jaf li l-bnedmin tad-demm u l-laħam dejjem jibqgħu midinba. Għallimna li tassew nixtiequ, u li tassew nippruvaw ngħixu dak li jitlob minna l-Feddej: li nkunu bħala l-familja ta’ Alla fuq l-art; il-familja li fiha l-imħabba tegħleb kull ostaklu u tfarraġ il-qlub maqsuma. Fuq kollox, agħmel li nieqfu naraw il-Knisja bħala xi ħaġa ’l barra minna, barranija għalina, imma nirrealizzaw li l-Knisja hija jien, int u aħna lkoll u għalhekk li flimkien nerfgħu r-responsabbiltà li bħalek, nistennew wieqfa taħt is-Salib biex, miegħek marbuta flimkien ma’ Ġwanni, bid-demm u l-ilma ta’ Ibnek, nitwieldu mill-ġdid bħala “Knisja qaddisa”.


Għal kull talba nwieġbu:
R/. Omm il‑Knisja, ismagħna.

Ieqaf mar‑rgħajja kollha tal‑Knisja sabiex il‑qalb tagħhom tkun tassew tixbah lil dik tar‑Ragħaj it‑Tajjeb. R/.
Ikkura l‑weġgħat qodma fi ħdan il‑Knisja, kemm weġgħat pubbliċi kif ukoll dawk mistura fil‑qlub. R/.
Fejjaq il-weġgħat tal‑firda fi ħdan il‑poplu ta’ Alla. R/.
Ħa jkunu l‑komunitajiet tagħna spazji fejn kulħadd iħossu milqugħ u maħbub . R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Marija tirċievi l‑Ġisem mejjet ta’ Binha Ġesù

Qari mill‑Evanġelju skont San Mattew (27, 50-58)

Ġesù reġa’ għajjat għajta kbira u radd ruħu. U ara, il‑purtiera tas‑santwarju ċċarrtet fi tnejn minn fuq s’isfel; l‑art theżhżet, il‑blat inqasam, u l‑oqbra nfetħu, u qamu ħafna iġsma ta’ qaddisin li kienu mietu, li ħarġu mill‑oqbra u wara l‑qawmien tiegħu daħlu fil‑Belt imqaddsa u dehru lil bosta nies. Iċ‑ċenturjun u dawk li kienu miegħu għassa ta’ Ġesù, kif raw l‑art titheżheż u jiġri dak kollu, imtlew b’biża’ liema bħalu u qalu: “Dan kien tassew Bin Alla!” Hemmhekk kien hemm ħafna nisa jħarsu mill‑bogħod, dawk stess li kienu mxew wara Ġesù biex jaqduh sa minn meta kien għadu fil‑Galilija: fosthom kien hemm Marija ta’ Magdala, Marija omm Ġakbu u Ġużeppi u omm ulied Żebedew. Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l‑ġisem ta’ Ġesù. Imbagħad Pilatu ordna li jingħatalu.

(pawsa qasira ta’ skiet)

“Aqbad lil ibnek il‑waħdieni, Iżakk; u mur lejn l‑art ta’ Morija, u hemm offrih b’sagrifiċċju” (Ġen 22, 2). Hekk ħassitha Marija bi Kristu fi ħdanha fuq l‑għolja tal‑Kalvarju. Għalkemm Iżakk ġie meħlus għax Alla ried juri l‑fidi ta’ missieru Abraham, min‑naħa tagħha Binha ma ġiex meħlus, minkejja l‑fidi kbira tagħha. U issa, bil‑ġisem mejjet ta’ Binha f’ħoġorha, bin‑niket li jaqsam lil qalbha, hi trid tibqa’ temmen u tibqa’ tissieħeb bir‑rieda kollha tagħha mal‑offerta ta’ Binha.

Marija, kemm drabi quddiem il‑ħajja nħossu li l‑fidi tagħna mhi tiswielna xejn. Kemm drabi ma nkunux nistgħu nifhmu dak li Alla qiegħed jitlob u jwettaq. Kemm drabi nleħħnu l‑istess karba “Għalfejn?” ta’ Ibnek li żgur baqgħet tidwi f’qalbek. Meta l‑fidi tagħna tiġi ppruvata quddiem il‑ġrajja ta’ ħajjitna, u niġu mitluba noffru l‑ħolm tagħna, il‑pjanijiet tagħna, ir‑rieda tagħna, ħajjitna stess, agħmel li l‑fidi tagħna ma tiġix nieqsa imma tibqa’ tisforza u timbotta biex tagħti kollox sal‑aħħar.


Għal kull supplika nwieġbu:
R/. Idħol għalina int, Marija.

Fil‑mumenti ta’ dlam u ta’ qtigħ il‑qalb. R/.
Fis‑sigħat mudlama. R/.
Meta ma nifhmux ir‑rieda ta’ Alla għalina. R/.
Meta l‑fidi tagħna tkun ippruvata. R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Marija tassisti għad‑difna ta’ Binha Ġesù

Qari mill‑Evanġelju skont San Ġwann (19, 38-42)

Wara dan, Ġużeppi minn Arimatija, li kien dixxiplu ta’ Ġesù bil‑moħbi għax kien jibża’ mil‑Lhud, mar u talab lil Pilatu biex jieħu l‑ġisem ta’ Ġesù. Pilatu ħallieh, u hu ġie u ħa l‑ġisem tiegħu. Ġie wkoll Nikodemu, dak li qabel kien mar għand Ġesù billejl, u ġieb miegħu taħlita ta’ morr u sabbara, tiżen xi mitt libbra. Dawn it‑tnejn ħadu l‑ġisem ta’ Ġesù u kebbewh bil‑faxex tal‑għażel bil‑fwejjaħ, kif soltu jagħmlu l‑Lhud qabel id‑difna. Fejn kienu sallbu lil Ġesù kien hemm ġnien, u f’dan il‑ġnien kien hemm qabar ġdid li fih kienu għadhom ma difnu lil ħadd. Hemm qiegħdu lil Ġesù, għax kien Jum it‑Tħejjija għal‑Lhud, u għax il‑qabar kien fil‑qrib.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Il‑mewt hija l‑misteru l‑kbir tal‑ħajja tal‑bniedem, il‑limitu per eċċellenza. Hemm mistoqsijiet li jqumu quddiem il‑misteru tal‑mewt. Hemm niket marbut mal‑mewt li, f’mument jew ieħor, b’mod jew ieħor, ilkoll inġarrbuh. Hemm firda u solitudni li tinħoloq bil‑mewt. Hemm ukoll il‑biża’ mill‑iktar naturali quddiem il‑mewt personali tagħna. U għalhekk il‑mewt ma timmarkax biss it‑tmiem, imma timmarka l‑ħajja kollha tagħna. Hemm mewt li ngħixuha kuljum. Hemm ħolm li jmut f’qalbna qabel ma jkun twieled. Hemm ħeġġa li tintefa frott l‑apatija li taħkimna minħabba fit‑tiġrib tal‑ħajja. Iktar ma jgerbbu s‑snin, hemm telfiet li jkollna nġarrbu, nuqqas ta’ saħħa, dgħufija fiżika u mentali.

Imma hemm ukoll tama li biha jeħtieġ li ngħixu din il‑mewt. Tama li, minn banda, la tiddispra u, mill‑banda l‑oħra, lanqas tipprova taħrabha jew tevitaha għalkollox bħallikieku hija barka li l‑bniedem jgħix għal dejjem fuq l‑art.

Marija, meta l‑mewt fid‑diversi forom tagħha tkun qed taħkem il‑qalb u l‑ħsibijiet tagħna, erġa’ poġġi fina din it‑tama. Agħtina sehem mit‑tama tiegħek quddiem il‑qabar magħluq ta’ Ibnek Ġesù: tama li ma tippruvax telimina l‑mewt għalkollox, imma tama li tmur lil hinn mill‑mewt u twassal għall‑ħajja.


Għal kull supplika nwieġbu:
R/. Urina li inti Ommna.

Lilna li nibku u nolfqu f’dan il‑wied tad‑dmugħ. R/.
Meta nħossuna mejtin fina nfusna. R/.
Meta t‑telfa tal‑għeżież tagħna tagħfas fuqna. R/.
Fis‑siegħa tal‑mewt tagħna. R/.

Missierna, Sliema għal għaxar darbiet, Glorja

Konkluzjoni

Salve Regina

Skont l‑intenzjoni tal‑Papa: Missierna, Sliema, Glorja

Għall‑Erwieħ tal‑Purgatorju: Missierna, Sliema, Agħtihom, o Mulej...

Litanija lil Marija Addolorata

Mulej, ħniena, Mulej, ħniena.
Kristu, ħniena, Kristu, ħniena.
Mulej, ħniena, Mulej, ħniena.
Kristu, ismagħna, Kristu, ismagħna.
Kristu, ilqa’ t‑talb tagħna, Kristu, ilqa’ t‑talb tagħna.
Missier etern Alla, ħenn għalina.
Iben Alla li fdejt id‑dinja, ħenn għalina.
Spirtu Qaddis Alla, ħenn għalina.
Trinità Qaddisa Alla wieħed, ħenn għalina.

Imqaddsa Marija, Omm Alla, itlob għalina.
Imqaddsa Xebba tax‑xbejbiet, itlob għalina.
Omm l‑Imsallab, itlob għalina.
Omm imnikkta, itlob għalina.
Omm imbikkija, itlob għalina.
Omm titniegħed, itlob għalina.
Omm imweġġgħa, itlob għalina.
Omm abbandunata, itlob għalina.
Omm deżolata, itlob għalina.
Omm l‑iktar qalbek sewda, itlob għalina.
Omm imġarrba bid‑dwejjaq, itlob għalina.
Omm mifnija bin‑niket, itlob għalina.
Omm minfuda bis‑sejf, itlob għalina.
Omm imsallba fil‑qalb tiegħek, itlob għalina.
Omm li ġarrabt il‑mewt ta’ Ibnek, itlob għalina.
Omm tad‑duluri, itlob għalina.
Ħamiema titniehed, itlob għalina.
Għajn tad‑dmugħ, itlob għalina.
Baħar ta’ mrar, itlob għalina.
Kamp tat‑tribulazzjoni, itlob għalina.
Kotra ta’ tbatija, itlob għalina.
Mera tas‑sabar, itlob għalina.
Blata ta’ fedeltà, itlob għalina.
Rimedju fit‑taħwid, itlob għalina.
Ferħ tal‑imnikktin, itlob għalina.
Arka tal‑mitluqin, itlob għalina.
Kenn tal‑abbandunati, itlob għalina.
Tarka tal‑maħqurin, itlob għalina.
Rebbieħa ta’ dawk li ma jemmnux, itlob għalina.
Faraġ ta’ dawk b’qalbhom sewda, itlob għalina.
Duwa tal‑morda, itlob għalina.
Għajnuna tal‑beżżiegħa, itlob għalina.
Saħħa tad‑dgħajfin, itlob għalina.
Protettriċi ta’ dawk li jitqabdu, itlob għalina.
Port ta’ dawk li ġarrbu l‑għarqa, itlob għalina.
Dik li ssikket it‑tempesti, itlob għalina.
Sieħba tal‑imnikktin, itlob għalina.
Refuġju għal dawk li jokorbu, itlob għalina.
Biża’ tal‑qarrieqa, itlob għalina.
Mudell għall‑martri, itlob għalina.
Teżor tal‑fidili, itlob għalina.
Dawl għall‑konfessuri, itlob għalina.
Ġawhra tal‑verġni, itlob għalina.
Faraġ tar‑romol, itlob għalina.
Ferħ tal‑qaddisin kollha, itlob għalina.
Sultana tal‑qaddejja tiegħek, itlob għalina.
Qaddisa Marija li ħadd ma jista’ jkun bħalek, itlob għalina.

V/. Itlob għalina, Verġni l‑aktar imnikkta.
R/. Biex ikun jistħoqqilna dak li wegħidna Kristu.

Nitolbu.
O Alla li fil‑passjoni tiegħek skont il‑profezija ta’ Xmun, sejf ta’ niket nifed il‑Qalb l‑iktar ħelwa tal‑glorjuża l‑imqaddsa Verġni Marija Omm tiegħek; agħtina, lilna li qed niċċelebraw it‑tifkira tas‑seba’ duluri tagħha, li niksbu l‑frott hieni tal‑passjoni tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem. Ammen.

Talba tal‑Għeluq lill‑Marija tad‑Duluri
O Marija, Omm wisq maħbuba tagħna, int li toqgħod qrib is‑slaleb tagħna bħalma bqajt ħdejn is‑salib ta’ Ġesù, qawwi l‑fidi tagħna sabiex, anke jekk mifluġa bid‑dulur, inżommu fissa l‑ħarsa tagħna fuq il‑wiċċ ta’ Kristu li fih fit‑tbatija estrema tas‑salib dehret l‑imħabba kbira u safja ta’ Alla. Omm tat‑tama tagħna, agħtina l‑għajnejn tiegħek biex lil hinn mit‑tbatija u l‑mewt naraw id‑dawl tal‑qawmien; agħtina l‑qalb tiegħek biex inkomplu anke fil‑mument tal‑prova, inħobbu u naqdu. O Marija Santissma Sidtna tas‑salib, itlob għalina. Ammen.