Is-Seba'
Waqfiet

Is-Seba' Waqfiet

Nishru mal-imgħallem fl-aħħar lejl

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Fl-Evanġelji ta’ San Mattew, San Mark u San Luqa, wara l‑aħħar ikla mad‑dixxipli tiegħu, Ġesù jmur jitlob fuq l‑Għolja taż‑Żebbuġ, u fil‑ħemda tal‑lejl, fil‑qasam magħruf bħala l‑Ġetsemani, iħossu “mnikket għall‑mewt” (Mk 14, 34) u “l‑għaraq sarlu bħal qtar tad‑demm iċarċar sal‑art” (Lq 22, 44). Hu jħoss it‑toqol tal‑abbandun anke meta dawk l‑iktar qrib tiegħu ma felħux jibqgħu mqajma miegħu fis‑siegħa tad‑dlam: “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi? ... L‑ispirtu, iva, irid; imma l‑ġisem dgħajjef” (Mt 26, 40‑41).

Fl-Evanġelju tiegħu, San Ġwann jgħildilna li Ġesu, wara li ħaslilhom riġlejhom u ħeġġiġhom: “Mela jekk jien, li jien il‑Mulej u l‑Imgħallem, ħsiltilkom saqajkom, hekk intom għandkom taħslu saqajn xulxin. ... Tassew tassew ngħidilkom, l‑ilsir mhuwiex aqwa minn sidu, anqas il‑messaġġier ma hu aqwa minn min jibagħtu” (Ġw 13, 14. 16), l‑Imgħallem, jibqa’ ma’ ħbiebu biex, qabel it‑tbatija u l‑mewt tiegħu, jagħtihom l‑isbaħ rigal: il‑qalba u r‑ruħ tat‑tagħlim tiegħu.

F’dan il‑lejl qaddis ta’ Ħamis ix‑Xirka, tal‑ewwel sinjal ħaj tal‑għaqda bejn il‑qaddisin, hu jfakkarhom dak kollu li għamel magħhom u għaliex dan it‑tagħlim għandhom jgħożżuh f’qalbhom.

F’dan il‑lejl ta’ ħemda huma jgħixu, mhux biss il‑memorja tas‑sinjali li Ġesù għamel magħhom biex jagħti xhieda li hu l‑Iben ta’ Alla magħmul bniedem, imma jwegħidhom il‑glorja tal‑miġja tal‑Ispirtu s‑Santu li permezz tiegħu jitwieldu mill‑ġdid.

F’dan il‑lejl li minnu titwieled is‑salvazzjoni, il‑Knisja tishar: għax tirċievi d‑don tal‑fidi u t‑tama sħiħa, meta, fil‑mewt kiefra tiegħu, l‑imħabba ta’ Alla feġġet fid‑dinja fid‑demm u l‑ilma jnixxu minn ġenbu.

Nifirħu u nithennew għax fid‑dlam tas‑salib diġà jidher id‑dawl ta’ Kristu Rxoxt u tal‑Ispirtu tiegħu!


Niżżel it-test kollu.





Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Nagħtikom Kmandament Ġdid

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann
(13, 33‑35)

Uliedi, ftit ieħor se ndum magħkom; intom tfittxuni, u bħalma għedt lil‑Lhud, hekk ukoll ngħidu issa lilkom: Fejn sejjer jien, intom ma tistgħux tiġu. Nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin. Bħalma ħabbejtkom jien, hekk ukoll ħobbu intom lil xulxin. Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l‑imħabba bejnietkom.

(pawsa qasira ta’ skiet)

M’hemmx sinjal ikbar tar‑realtà tas‑salvazzjoni mill‑imħabba u l‑għaqda bejn l‑aħwa. M’hemmx sinjal iktar krudili ta’ straġi f’ħajjitna mill‑attitudnijiet ta’ bruda u indifferenza, u ta’ rabja u mibegħda. Fejn m’hemmx l‑imħabba, hemm il‑baħħ tal‑mewt. Hemm qlub li jibbiesu u jiksħu; jew li jinħonqu f’nar li jitfi kull ħajja. Is‑salvazzjoni hija meta Kristu jerġa’ jonfoħ il‑ħajja fi mnifsejn dawk maħkuma mill‑mewt fil‑ġest ta’ għotja fuq is‑salib. Hu jidħol fid‑dalma tal‑ħakma tal‑mewt, u fiha jiddi bid‑dawl ta’ Alla Mħabba li jdewwi kull ġerħa.

Għal dawn it-talbiet inwieġbu flimkien: R/. Fil‑mewt u l‑Qawmien tiegħek inti ssalvana.

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti sirt bniedem bħalna u għammart fostna. R/.
Ġesù , inti tajt xhieda tal‑Bxara t‑Tajba b’ġesti li qanqlu x‑xrar tat‑tama. R/.
Ġesù Salvatur, fil‑qawwa tiegħek aħna niċħdu kull spirtu ta’ mibegħda li jgħakkisna. R/.
Ġesù , qalbna mimlija bil‑ferħ tiegħek, aħna nxerrdu l‑Ispirtu ta’ Mħabba li twaħħdek mal‑Missier. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Jiena hu t‑Triq, il‑Verità u l‑Ħajja

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann (14, 1‑7)

“Tħallux qalbkom titħawwad! Emmnu f’Alla, u emmnu fija wkoll. Fid‑dar ta’ Missieri hemm ħafna postijiet; li ma kienx hekk, kont ngħidilkom. Sejjer inħejjilkom fejn toqogħdu. U meta mmur u nħejjilkom post, nerġa’ niġi biex neħodkom miegħi biex, fejn inkun jien, tkunu intom ukoll. U t‑triq għall‑post fejn sejjer tafuha.” Tumas qallu: “Mulej, aħna ma nafux fejn inti sejjer. Kif nistgħu nafu t‑triq?” Wieġbu Ġesù: “Jiena hu t‑Triq, il‑Verità u l‑Ħajja. Ħadd ma jmur għand il‑Missier jekk mhux permezz tiegħi. Kieku għaraftu lili, kontu tagħrfu wkoll lil Missieri. Minn issa ’l quddiem tagħrfuh, anzi diġà rajtuh.” 

(pawsa qasira ta’ skiet)

Alla li ma narawhx sar bniedem bħalna biex immissuh, inkellmuh, nisimgħu leħnu bħal kull persuna oħra li niltaqgħu miegħu jew magħha fil‑mixja tal‑ħajja. Alla li konna naħsbuh ’il bogħod, hu Alla tassew magħna. U mhux magħna biss għal ftit snin li Ġesù terraq fl‑Art Imqaddsa; Alla hu magħna f’dawk kollha li jirċievu l‑Ispirtu tiegħu u jilbsu l‑Imħabba tiegħu. L‑Imħabba, Alla nnifsu, tfejjaq mill‑mard tal‑ġisem u r‑ruħ u għalhekk tagħti l‑ħajja. L‑Imħabba, Alla nnifsu, hija l‑unika Verità li tagħti skop lil ħajjitna. L‑Imħabba, Alla nnifsu, hija t‑Triq li mill‑esperjenzi kefrin tal‑ħajja, twassalna għal sens ta’ paċi. Aħna bħal żerriegħa, li trid tinqasam, tinfetaħ biex trabbi l‑għeruq u tikber f’siġra li tagħti l‑frott. Imma l‑Imħabba, Alla nnifsu, hija l‑art għammiela, l‑Ilma ġentili, u d‑Dawl li jmelles l‑ewwel werqa li tifrex rasha mill‑art.

Għal dawn it-talbiet inwieġbu flimkien: R/. Rattbilna qalbna għall‑Imħabba tiegħek.

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti tħejjilna l‑“post” li fih induqu l‑ferħ tiegħek, il‑milja vera tagħna. R/.
Ġesù , inti xandart il‑Bxara t‑Tajba lill‑bnedmin kollha biex jagħrfu lill‑Missier li fih insiru aħwa miegħek. R/.
Ġesù Salvatur, fis‑sagrifiċċju tiegħek, aħna niċħdu kull spirtu li jżeblaħ l‑Imħabba, Alla nnifsu, li tiegħu inti x‑Xbieha Qaddisa. R/.
Ġesù , aħna nagħrfuk u nimxu warajk, biex tibgħatna f’ismek sa truf l‑art. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Jiena nħallilkom is‑sliem

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann (14, 16-17. 26-27)

U jiena nitlob lill‑Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqa’ magħkom għal dejjem, l‑Ispirtu tal‑verità, li d‑dinja ma tistax tirċevih, għax hija la tarah u lanqas tagħrfu. Iżda intom tagħrfuh, għaliex jgħammar magħkom, u huwa fikom. .... Id‑Difensur, l‑Ispirtu s‑Santu, li l‑Missier jibgħat f’ismi, jgħallimkom kollox u jfakkarkom dak kollu li għedtilkom. Jiena nħallilkom is‑sliem; nagħtikom is‑sliem tiegħi; ma nagħtihulkomx kif tagħtih id‑dinja. Tħallux qalbkom titħawwad u anqas titbeżża’. 

(pawsa qasira ta’ skiet)

Is‑sliem huwa l‑milja tal‑ħajja. Li ngħixu fil‑paċi magħna nfusna u mal‑oħrajn; li ma nbatux bl‑ansjetà li tikkawża tant dieqa fis‑silenzju ta’ qlubna; li nkunu kunfidenti u ferħana bid‑deċiżjonijiet li nieħdu ta’ kuljum; li nħarsu lejn il‑futur mhux b’ottimiżmu biss, imma bit‑tama qawwija li Kristu salva lid‑dinja. Iżda ħafna drabi inħossuna fi dlam kbir, ma nafux fejn se nagħtu rasna, u mimlijin dubju u biża’. Is‑sliem isir tassew konkret u jfawwar fi qlubna meta, f’din id‑dalma, nafdaw f’Alla għax nagħtu spazju lill‑Ispirtu tiegħu biex jurina t‑triq. Pass wara pass, huwa jagħtina raġġ ta’ dawl li jurina fejn nitilqu riġlejna. Ma jagħtiniex biss id‑dawl tar‑raġuni, imma d‑dawl tal‑għerf tiegħu u allura tas‑sliem tiegħu.

Għal dawn it-talbiet inwieġbu flimkien: R/. Ejja, Spirtu Qaddis, biex tfakkarna fis‑salvazzjoni.

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti tibgħat l‑Ispirtu Qaddis tal‑Missier biex ifawwar qlubna bil‑ferħ tal‑Aħbar it‑Tajba. R/. 
Ġesù , inti għallimtna kif ngħixu fis‑sliem magħna nfusna, ma’ ħutna, fis‑soċjetà u fuq l‑art u l‑ibħra li inti tajtna. R/.
Ġesù , inti li għażilt is‑salib bħala sinjal ta’ tama għad‑dinja, f’ismek niċħdu kull spirtu ta’ biża’ u ansjetà li jtaqqal lil ruħna. R/.
Ġesù , aħna nagħrfu d‑Difensur li jgħammar fi qlubna u fil‑poplu qaddis tiegħek. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Jiena d‑dielja, intom il‑friegħi

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann (15, 4‑5. 9‑10)

Ibqgħu fija, u jiena nibqa’ fikom. Kif il‑fergħa ma tistax tagħmel frott minnha nfisha jekk ma tibqax fid‑dielja, hekk anqas intom jekk ma tibqgħux fija. Jiena d‑dielja, intom il‑friegħi. Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott; għax mingħajri ma tistgħu tagħmlu xejn. ...

Kif ħabbni Missieri, hekk ħabbejtkom jiena. Ibqgħu fl‑imħabba tiegħi. Jekk tħarsu l‑kmandamenti tiegħi, intom tibqgħu fi mħabbti, kif jiena ħarist il‑kmandamenti ta’ Missieri u qiegħed f’imħabbtu.

(pawsa qasira ta’ skiet)

Kull tjubija, sbuħija u verità għandha l‑għajn tagħha fil‑Mulej Ġesù biss. Hija d‑dielja li tagħmel il‑frott anke jekk hija l‑fergħa li titqal bl‑għenqud għeneb misjur lest għall‑għasir. Għalhekk, hija dejjem arroganza min‑naħa tagħna li naħsbu li l‑inbejjed fini huma biss frott il‑ħidma jew l‑kapaċitajiet tagħna. Kull tajjeb li jseħħ, anke bis‑sagrifiċċji tagħna, huwa rigal li Alla jagħti lid‑dinja għax jilqa’ x‑xewqa tagħna li nkunu tassew dixxipli tiegħu u allura naqdu bl‑istess mod kif hu ħasel ir‑riġlejn tal‑ħbieb tiegħu. Imma t‑togħma bnina tal‑ħniena ta’ Alla li tnixxi fuq l‑art, hija dejjem sinjal tal‑qawwa tiegħu, tal‑għerf tiegħu, tal‑imħabba tiegħu. Il‑kobor tal‑bniedem hija fl‑attitudni ta’ umiltà u ħlewwa li tgħinu jiċċekken, bħalma Kristu stess għażel li jmut fuq is‑salib.

Għal dawn it-talbiet inwieġbu flimkien: R/. Rattbilna qalbna biex inkunu tassew fergħa fik.

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti l‑eżempju tal‑ħlewwa, tal‑umiltà, tal‑ħniena, ta’ ħajja li dejjem tingħata lill‑oħrajn. R/.
Ġesù, bħad‑dielja li hija ħaġa waħda mal‑friegħi, inti tgħaqqadna miegħek bħala wlied tal‑istess Missier. R/.
Ġesù , inti li turi l‑qawwa tiegħek fid‑dgħufija li tagħżel li tilbes għalina, għallimna niċħdu kull spirtu ta’ abbuż ta’ poter—morali u spiritwali—u hekk nilbsu l‑ħlewwa tal‑Ispirtu tiegħek. R/.
Ġesù, agħmilna tiegħek, biex induqu l‑Ispirtu tiegħek, u għalhekk, meta aħna fik, nagħtu ħafna frott ta’ opri ta’ karità bejn l‑aħwa u lil dawk iktar ’il bogħod minna. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Sejjaħtilkom ħbieb

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann (15, 11‑17)

Għedtilkom dan biex il‑ferħ tiegħi jkun fikom, u biex il‑ferħ tagħkom ikun sħiħ. Dan hu l‑kmandament tiegħi: li tħobbu lil xulxin kif ħabbejtkom jien. Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jiena nikkmandakom. Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il‑qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb, għaliex kull ma smajt mingħand Missieri jiena għarrafthulkom. Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom, u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l‑frott u l‑frott tagħkom jibqa’, ħalli kulma titolbu lill‑Missier f’ismi, huwa jagħtihulkom. Dan hu li qiegħed nikkmandakom: li tħobbu lil xulxin.

(pawsa qasira ta’ skiet)

M’hemmx imħabba ikbar minn dik bejn ħbieb li jaqsmu ħajjithom flimkien: mhux għax iridu xi ħaġa mingħand xulxin; mhux għax jippruvaw japprofittaw ruħhom minn xulxin, imma għax tassew jaraw id‑dawl ta’ Alla f’xulxin. Il‑ħbiberija hija relazzjoni bejn dawk li jħarsu wiċċ imb wiċċ għax ħadd minnhom ma jitla’ fuq pedestall. Hija d‑dinamika li żżomm komunità magħquda flimkien. L‑Ispirtu li jgħaqqadhom huwa bħal xmara li timla t‑trufijiet kollha tal‑art b’ilma ħelu li jsaqqi l‑art u jagħti l‑frott.

Għalhekk, ix‑xirka tal‑qaddisin titkisser mhux bil‑mewt—saħansitra titqawwa bil‑mewt għal xulxin!—imma bil‑firda, bl‑ebusija tal‑qalb, bl‑indifferenza, bil‑mibegħda. Id‑dinja tinxef u tmut meta l‑qlub jingħalqu għall‑imħabba u l‑ħbiberija li jgħallimna Ġesù.

Għal dawn it-talbiet inwieġbu flimkien:
R/. F’imħabbtek biss insibu l‑ħajja .

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti tajt ħajtek għall‑ħbieb tiegħek biex l‑imħabba setgħet tfur sat‑truf kollha tal‑art. R/.
Ġesù , inti għażilt il‑ħbieb tiegħek biex jagħtu xhieda għal ismek sal‑aħħar taż‑żmien. R/.
Ġesù, inti li tajt ħajtek għalina, agħtina l‑qawwa li niċħdu kull spirtu ta’ firda, mibegħda u individwaliżmu li, bħal diga, iwaqqfu l‑ilma tal‑Ħajja tiegħek milli jnixxi fil‑qlub. R/.
Ġesù , inti tajt ħajtek f’att ta’ mħabba li ma jintemmx. Għallimna nkunu tassew dixxipli tiegħek li nagħtu lilna nfusna mingħajr ma nistennew xejn lura. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Il‑ferħ tagħkom ikun sħiħ

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann (16, 20‑24)

Tassew tassew ngħidilkom, intom għad tibku u tingħu, iżda d‑dinja għad tifraħ; għad iġġarrbu n‑niket, imma n‑niket tagħkom għad jitbiddel f’hena. Il‑mara, meta tkun se tiled tħossha mdejqa, għax tkun waslet is‑siegħa tagħha; iżda meta tkun twieldet it‑tarbija, ma tiftakarx iżjed fl‑uġigħ, bil‑ferħ li twieled bniedem fid‑dinja. Hekk intom, issa tħossukom imdejqa; imma għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l‑ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom. F’dak il‑jum xejn ma tistaqsuni. Tassew tassew ngħidilkom, kulma titolbu lil Missieri f’ismi jagħtihulkom. Sa issa ma tlabtu xejn f’ismi. Itolbu u taqilgħu, biex il‑ferħ tagħkom ikun sħiħ.

(pawsa qasira ta’ skiet)

It‑tbatija mhix l‑aħħar kelma. Id‑dulur mhux l‑essenza tal‑esperjenza umana. Huwa l‑ferħ li jġib Ġesù biss li jibqa’—anke wara kull biża’, kull trawma, kull telfa, kull esperjenza li tnikket, tkisser u tbenġel ir‑ruħ. Ma’ kull weġgħa li nduqu—frott il‑mewt tad‑dnub tal‑bniedem—hemm aqwa s‑salvazzjoni: il‑Ferħ tal‑Aħbar it‑Tajba. Kull vojt li nesperjenzaw, kull abiss li jaqtgħalna qalbna, jimtela biss bl‑imħabba. Huwa l‑Ispirtu, id‑Difensur mibgħut, li jqawwina b’tama u fidi, li l‑ebda waħx ma jista’ qatt jaħkimna għax Ġesù diġà rebaħ fuq il‑Mewt.

Għal dawn it-talbiet inwieġbu flimkien: R/. Dewwaqna l‑Ferħ tal‑Aħbar it‑Tajba.

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti rbaħt fuq il‑Mewt; inti kissirt il‑bibien tal‑abiss fejn nitilfu ruħna, u tajtna l‑ħelsien. R/.
Ġesù , inti għarraftna li ikbar min‑niket huwa l‑Ferħ; li ogħla mill‑biża’ hija t‑Tama; li fuq kull dubju taħkem il‑Fidi. R/.
Ġesù , inti tajtna ħajtek biex aħna jkollna l‑ħajja ta’ dejjem. Agħtina l‑qawwa niċħdu kull spirtu ta’ regħba, ta’ biża’, ta’ qtigħ il‑qalb li jagħmilna priġunieri tal‑Mewt. R/.
Ġesù, bħala dixxipli tiegħek, inti fdajtilna f’idejna l‑missjoni li nkunu pont ma’ kull qalb ħerqana għall‑ferħ
dejjiemi
tiegħek. R/.

Missierna, 
Sliema, Glorja

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù



Kif inti bgħatt lili fid‑dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid‑dinja

Fl‑Isem tal‑Missier, tal‑Iben u tal‑Ispirtu s‑Santu. Ammen.

Qari mill‑Evanġelu skont San Ġwann (17, 11‑19)

Missier qaddis, ħarishom f’ismek dawk li inti tajtni, biex ikunu ħaġa waħda bħalna. Kemm domt magħhom, jiena ħaristhom fl‑isem tiegħek, l‑isem li tajtni. U jiena ħadt ħsiebhom, u ħadd minnhom ma ntilef ħlief bin it‑telfien, biex isseħħ l‑Iskrittura. Imma issa jiena ġej għandek, u qiegħed ngħid dan, kif għadni fid‑dinja, biex huma jkollhom fihom il‑ferħ sħiħ tiegħi. Jiena tajthom il‑kelma tiegħek, u d‑dinja bagħdithom, għaliex huma mhumiex tad‑dinja, kif jiena m’iniex tad‑dinja. Ma nitolbokx li twarrabhom mid‑dinja, imma li tħarishom mill‑Ħażin. Huma mhumiex tad‑dinja bħalma jiena m’iniex tad‑dinja. Qaddishom permezz tal‑verità; il‑kelma tiegħek hi l‑verità. Kif inti bgħatt lili fid‑dinja, hekk jiena bgħatt lilhom fid‑dinja. U jien minħabba fihom nagħti ħajti, biex huma wkoll ikunu mqaddsin permezz tal‑verità. 

(pawsa qasira ta’ skiet)

Id‑dixxiplu mhux aqwa mill‑Imgħallem, imma d‑dixxiplu jilbes il‑qawwa tal‑Ispirtu u jagħmel ħwejjeġ ikbar mill‑Imgħallem. Din hi l‑wegħda ta’ Ġesù lilna: ma jagħtiniex il‑kelma tiegħu li ma nduqux il‑persekuzzjoni, imma jagħtina l‑kelma tiegħu li hu dejjem magħna u li l‑Ispirtu tiegħu huwa tarka kontra kull ħażen għax Hu diġà rebaħ fuq kull mewt. M’hemmx ħażen li ma jisfax fix‑xejn; imma m’hemmx Imħabba li ma tagħtix frott u bl‑abbundanza. Din hi l‑fidi u t‑tama tagħna: li aħna midinba, morda u vulnerabbli, imma magħżula; u għax magħżula, l‑għażla tiegħu hija aqwa—u tidher l‑ogħla—fil‑mard tagħna. Aħna rċivejna s‑sejħa u l‑qawwa li l‑art timtela bil‑Ħajja ġdida tal‑Ispirtu. Dan huwa biżżejjed … anzi huwa l‑abbundanza tal‑Ħniena ta’ Alla.

R/. Spirtu Qaddis, għammar f’ruħna .

Ġesù Iben Alla l‑Ħaj, inti sirt bniedem bħalna biex turina l‑qawwa mwiegħda lilna. R/.
Ġesù , inti għażiltna biex inkunu sinjal ta’ dawl u tama f’kull sħab u dalma li jgħattu l‑art. R/.
Ġesù , inti bgħatt l‑Ispirtu li jagħti l‑ħajja fuqna; għalhekk niċħdu kull spirtu ta’ idolatrija li jagħmina kontra l‑Ħniena u l‑qawwa
tiegħek. R/.
Ġesù , inti ħabbejtna sal‑aħħar; fl‑eżempju tiegħek qawwina biex inħobbu lil xulxin. R/.

Missierna, Sliema, Glorja

Nadurawk, o Ġesù, u nberkuk, għax b’salibek u l‑mewt tiegħek inti fdejtna.




Is-Seba' waqfiet ma' Ġesù